‘Jekk se tipprotesta llum żomm il-kwiet ħdejn iż-żwiemel’

Manuel Delia

Jekk se tkun qed tipprotesta llum fil-Belt Valletta, ara li żżomm il-kwiet meta maġenbek jaslu ż-żwiemel li jagħmlu parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru f’Jum ir-Repubblika fil-Belt Valletta.

L-għaqdiet Repubblika, #OccupyJustice u Manueldelia.com se jkunu qed jorganizzaw protesta oħra dalgħodu propju f’Jum ir-Repubblika. Il-protesta mistennija tibda fid-9.15am illum.

Fi blogg ippubblikat kmieni dalgħodu, Manuel Delia sostna li f’ċerimonji bħal dawk tal-lum, hemm ċans li jintużaw iż-żwiemel. Irrimarka li ż-żwiemel mhux kapaċi jirrealizzaw li r-rabja li għandhom id-dimostranti mhix direzzjonata lejhom. Għaldaqstant insista li meta jgħaddu ż-żwiemel minn fejn se tkun qed issir il-protesta, id-dimostranti għandhom jisktu u jipprotestaw biss permezz tal-kartelluni tagħhom.

Id-dimostranti qed jiġu inkoraġġuti biex jimlew iż-żoni li huma aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ma jaqbżu l-barriers li tpoġġew mill-Pulizija. Talab ukoll sabiex dawn ma jintmessewx u jitħallew fil-pożizzjonijiet li l-Pulizija għamluhom fihom. F’dawk iż-żoni, id-dimostranti jistgħu jagħmlu l-istorbju u jgħajtu kemm jixtiequ, kompla Delia.

Intant hu spjega li għexieren ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija diġà nġemgħu fil-Belt Valletta kmieni dalgħodu. Hu kompla billi rrimarka li l-Pulizija sempliċiment qed isegwu ordnijiet minn dawk ta’ fuqhom. Irrimarka li l-protesta li qed issir mhix direzzjonata la lejn il-Pulizija u lanqas lejn il-Forzi Armati ta’ Malta.

Propju lbieraħ, l-organizzaturi tal-protesta ntalbu jiltaqgħu mal-Pulizija dwar il-protesta tal-lum. Fi stqarrija wara l-laqgħa l-organizzaturi tal-protesta qalu li l-partijiet kollha kienu sodisfatti. Dan hekk kif il-qbil huwa li l-messaġġ tal-protesta ma jkunx lejn il-forzi tal-ordni iżda lejn il-President u l-Membri Parlamentari. Spjegaw li dan qed isir minħabba li fiċ-ċirkostanzi preżenti l-messaġġ ikun immirat lejn dawk li fi kliemhom “jistgħu joħorġu l-pajjiż mill-għawġ li ġabu fih Joseph Muscat”.

Waqt il-laqgħa l-għaqdiet enfasizzaw li huma qegħdin iħeġġu lill-pubbliku sabiex jipparteċipa b’mod paċifiku fiċ-ċelebrazzjoni pubblika ta’ Jum ir-Repubblika fil-Belt Valletta u miegħu jieħu kartelluni u sfafar biex iwassal il-messaġġ tiegħu.