Jekk se tikri farmhouse qis li jtuk irċevuta

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) appellat biex dawk kollha li se jikru akkomodazzjoni f’Għawdex għandhom iqisu li mingħand min se jikru jkun awtorizzat mill-Awtorità tat-Turiżmu.

Dan wara li fil-mezzi tax-xandir ġie rrappurtat każ fejn mara Maltija allegatament kienet qed tikri xi farmhouses, tieħu l-flus tad-depożitu u tikkanċella l-booking mingħajr ma trodd lura l-flus.

L-Assoċjazzjoni sostniet li għal kull ħlas li jsir għandha tingħata rċevuta.

Din il-ġimgħa Newsbook.com.mt tkellem ma’ Mark* li ħallas €1,200 għal farmhouse f’Għawdex imma spiċċa biex la mar għall-vaganza u lanqas ħa l-flus lura.

Mark qal li ftit sigħat qabel ma tela’ Għawdex ma’ familtu u sħabu, jirċievi telefonata mingħand sid kera u avżatu li l-Gvern qata' d-dawl ta' fejn se jikru d-dar u ma jistgħux jitilgħu.

Għaddew tliet ġimgħat u Mark għadu ma ħax flusu lura.  Aktar nies kitbu fuq facebook li ġralhom l-istess u ngidmu mingħand ċertu mara bl-isem ta’ Annabelle.