Jekk se tagħti d-demm evita l-għawm

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa qal li dawk kollha li se jagħtu d-demm aħjar jastjenu mill-għawm u ma joqgħodux fix-xemx.

Is-Servizz spejga li dan huwa importanti biex ikun hemm riskju inqas ta’ ħass ħażin u jimxu ma’ dan il-parir biex l-esperjenza tal-għoti tad-demm tibqa’ waħda sabiħa u ta’ sodisfazzjon.

Dawk kollha interessati f’dan il-ġest ta’ altruiżmu għandhom jirrikorru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa kuljum (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8am sas-6pm (l-aħħar dħul ikun fis-6pm).

Post ieħor huwa fil-Berġa tal-Gvern taż-Żurrieq (faċċata tal-Venda tal-Linja) li nhar il-Ħadd 12 ta’ Awwissu ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:30am sas-1pm (l-aħħar dħul ikun fis-1pm). Kif ukoll fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li nhar il-Ħadd 12 ta’ Awwissu se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm (l-aħħar dħul ikun fis-1pm).

L-istqarrija tispjega li huwa importanti li wieħed jieħu l-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.