Jekk se ssiefer u trid tuża l-mowbajl…

Il-mowbajl ma noqogħdux mingħajru, kemm jekk f’Malta u anki meta nsiefru. Filfatt, fl-aħħar statistika ppubblikata mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni ħareġ li l-użu tal-mowbajl żdied anki meta l-Maltin ikunu imsiefrin.
Qabel ma’ wieħed isiefer, għandu jara li jikkuntattja lill-operatur tiegħu sabiex jiċċekkja jekk fil-pajjiż li jkun se jżur jistax jibbenefika mir-roaming. Meta wieħed ikun se jsiefer barra mill-Ewropa, għandu jiċċekkja mal-operatur lokali tiegħu t-tariffi tan-networks barranin f’dak il-pajjiż, biex jassigura li jaqbad man-network bl-irħas rati.
Fl-aħħar snin l-Unjoni Ewropea adottat miżuri sabiex tipproteġġi l-konsumaturi milli jirċievu kontijiet għoljin meta jkunu msiefrin. Miżura partikolari tistipula li l-operatur irid jinnotifika lill-ivjaġġatur bit- tariffi applikabbli x’ħin jasal f’pajjiż barrani. Miżura oħra li adottat l-UE hi li l-operatur lokali joffri mekkaniżmu biex jekk jilħaq l-limitu ta’ €50 f’użu ta’ internet fuq il-mowbajl barra minn Malta, jinqatalu dan is-servizz wara li jiġi nnotifikat. Jekk wara li jintlaħaq dan il-limitu ikun jixtieqi kompli jagħmel użu mill-internet, kulma jrid jagħmel huwa li jinforma lill-operatur lokali.
Is-sena l-oħra l-Unjoni Ewropea kompliet issaħħaħ dawn il-liġijiet u b’hekk ħarġet it-tariffa Roam Like at Home, bl-għan li meta wieħed ikun imsiefer f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, ikun jista’ jużal-mowbajl daqs li kieku qed jużah f’pajjiżu. Madanakollu, ta’ min jinnota li f’dan il-każ japplikaw numru ta’ eċċezzjonijiet. Pereżempju jekk wieħed ikun abbonat għal pakkett tal-mowbajl b’rati irħas meta jċempel jew jibgħat SMS lejn numri abbonati mal-istess operatur tiegħu f’Malta, jista’ jagħti l-każ li meta jkun f’pajjiż Ewropew, din l-offerta ma tapplikax u wieħed xorta jħallas daqs telefonata jew SMS lejn numri li mhumiex abbonati mal-istess operatur. Il-vjaġġ it-tajjeb! 

Din l-informazzjoni ġiet miġjuba bis-sehem tal-MCA waqt il-programm Ta' Kulħadd ma’ Christine Delicata kuljum bejn id-9am u l-12.00pm fuq RTK 103FM.