​Jekk sar allegat theddid minn dawk qrib tiegħi għandha tgħajjatli l-Pulizija – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ħadd ħlief ġurnalist ma ġibidlu l-attenzjoni dwar allegat theddid minn nies qrib tiegħu fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara d-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament, Dr Delia qal lill-ġurnalisti li jekk hemm xi ħaġa, il-Pulizija għandha tgħajjatlu, u mhux ikun il-Prim Ministru li fil-Kamra tar-Rappreżentanti jispekula dwar dan.
Saħaq li mhix serjetà li wieħed imur fil-Parlament biex isiru allegazzjonijiet ġodda. Iddeskriva dawn bħala "akkużi" serji, u li min għamilhom għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika.
Delia spjega li l-Oppożizzjoni qatt ma għamlet allegazzjonijiet ta’ responsabbiltà kriminali, li huma ta’ natura differenti minn dik politika.
Fl-istess waqt saħaq li ħadd għadu ma ħa r-responsabbiltà politika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-avukat Delia kompla jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li f’dan il-mument il-pajjiż irid jingħaqad, iżda naqas milli jgħid x’se jiġri fil-futur.
Dwar il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, qal li kien Muscat innifsu li pprova jimplika li kienet l-Oppożizzjoni li ma kinetx kuntenta biha. Saħaq li dan ma kienx il-każ.
Stqarr li fil-Parlament qalu li l-problema kienet li seta’ jkun hemm kunflitt ta’ interess u ma qalux li ma kienx hemm fiduċja fil-persuna.
Dwar l-isfida li għamillu Joseph Muscat biex jitlob investigazzjoni fl-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu, Delia qal li mhux se jkun qed jilqagħha. Madanakollu, qal li jekk tibda xi tip ta’ investigazzjoni, huwa jikkoopera b’mod sħiħ.