Filmat: Jekk qed tieħu ħsieb lil xi ħadd fil-familja…

Il-programm Insellimlek tal-Ħamis 22  ta’ Frar, il-Konsulent tal-Mediċina u l-Anzjani Dr Peter Ferry tkellem mas-semmiegħa dwar is-saħħa tal-persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb l-anzjani jew lil morda.
Dr Ferry jibda billi jgħid li l-maġġoranza tal-carers f'Malta huma nies ta' 'l fuq minn 50 sena. Ħafna drabi, il-caregivers jesperjenzaw stress, għejja, u kollass. Fil-fatt, 49% tan-nisa u 31% tal-irġiel jgħaddu minn dipressjoni minħabba dan. 
Dr Ferry jiġbed l-attenzjoni li jekk wieħed ikollu dawn it-tip ta' ħsibijiet, iħoss li:

  • Trid tagħmel kollox int, anzi li suppost qed tagħmel iżjed?
  • Qed iżżomm lura minn membri tal-familja, ħbieb jew attivitajiet li qabel kont tieħu pjaċir tagħmel?
  • Tinkwieta jekk il-persuna li qed tieħu ħsieb hux sigur?
  • Tħossok anzjuż dwar il-flus u deċiżjonijiet ta’ saħħa?
  • Tirrifjuta li taċċetta l-impatt ta’ dan kollu fuq il-familja tiegħek?
  • Tħoss niket jew thossok imdejjaq/imdejqa li r-relazzjoni mal-persuna m’għadhiex li kienet?
  • Tiffrustra ruħek u tħossok irrabjat meta l-persuna bid-dimensja tirrepeti kontinwament l-istess affarijiet u donna ma tisimgħekx?
  • Għandek problema ta' saħħa li qed taffettwak kemm mentalment kif ukoll fiżikament?

Ta wkoll xi sintomi tad-dipressjoni. Tħoss:

  • Burdata ta' dwejjaq fejn tħossok ‘vojt’ għal aktar minn gimagħtejn? 
  • Nuqqas ta' interess f’ħafna mill-attivitajiet li kont tagħmel, għal aktar minn gimagħtejn li jinkludu wkoll sintomi bħal:
  • Tibdil fl-irqad (tbati biex torqod jew torqod wisq)
  • Tibdil fl-aptit tal-ikel (żejjed jew nieqes) 
  • Nuqqas ta’ kapaċita biex tgawdi l-ħajja (li tinkludi wkoll ir-relazzjoni sesswali)
  • Nuqqas ta’ memorja, konċentrazzjoni jew teħid ta’ deċizjonijiet
  • Nuqqas ta’ enerġija jew għejja żejda
  • M’għandekx kwiet jew anzjuż/a 
  • M’għandek aptit tagħmel xejn
  • Tibki iktar mis-soltu
  • Tħossok li ma jirnexxilekx tagħmel l-affarijiet sew jew kif suppost
  • Jiġuk ħsibijiet li l-ħajja mhux sabiħa, anzi tixtieq li tmut waqt li tkun rieqed/ rieqda
  • Jgħaddulek ħsibijiet li tagħmel suwiċidju

Barra minn hekk, it-tabib jgħid ukoll li jeżistu wkoll sintomi fiżjoloġiċi, bħal polz mgħaġġel u pressjoni għolja fost oħrajn.   
Fl-aħħar nett, fakkar dwar l-importanza li taħseb fil-ħtiġijiet tiegħek għax jekk le, ma tistax tieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor. 
Għal aktar pariri tal-ħajja, segwi l-programm Insellimlek kuljum bejn it-3pm u l-4:.0pm fuq RTK 103FM.