“Jekk nixgħel is-siġra tal-Milied immutu bil-ġuħ”

Omm li bħalissa qed tipprova tgħajjex lil familtha fuq benefiċċji tal-Gvern Ingliż magħruf bħala Universal Credit sostniet li jekk tixgħel is-siġra tal-Milied, tissogra li toqtol lil familtha bil-ġuħ. 

Mara oħra li tkellmet ma’ Kent Live sostniet li ma għandhiex biżżejjed flus biex tiċċelebra l-Milied ma’ wlieda, u saħansitra insistiet li kienet bil-wisq aħjar qabel ma bdiet tirċievi dawn li qed jiġu msejjħa bħala ‘benefiċċji’.

Iż-żewġ nisa spjegaw li biex ilaħħqu mal-ħajja, qed ikollhom jagħżlu bejn il-heating tad-dar jew l-ikel. Spjegaw li saħansitra qed ikollhom imorru jisselfu l-flus mingħand sħabhom u qrabathom biex forsi jkollhom ħajja ftit iktar komda.

Universal Credit hija sistema ġdida ta’ benefiċċji fir-Renju Unit li tagħti sapport lil persuni li jkunu qed ifittxu xogħol, oħrajn li għandhom paga baxxa jew persuni li jsofru minn xi diżabbiltà.

Fejn qabel dawn il-persuni kienu jirċievu sitt benefiċċji li kienu jkopru l-ispejjeż tad-djar, allowance għal persuni li qed ifittxu xogħol u kreditu tat-taxxa tat-tfal, issa qed jingħataw pagament wieħed biss. Kritiċi ta’ din is-sistema iddeskrivewha bħala waħda “krudili” u li tħalli persuni vulnerabbli mingħajr sold f’idejhom u ddisprati ġimgħat qabel il-Milied.

Ir-riforma fis-sistema seħħet f’Mejju tal-2016, madanakollu f’Kent għadha ma ġietx attivata kompletament, u qed tħalli bosta familji mingħajr benefiċċji sakemm is-sistema tiġi attivata b’mod komplet.

Martha Thompson irrakkuntat kif għall-bidu ħasbu li malli jaqilbu għal Universal Credit kienu se jaqilbu għal ħajja aħjar. Spjegat li hi u r-raġel tagħha, flimkien ma’ binthom tkeċċew minn darhom u spiċċaw jgħixu ma’ xi qraba tagħhom. Spjegat li wara ftit iddeċidew li jfittxu dar u reġgħu ppruvaw jibnu ħajjithom. Qalet li kien hawn li applikaw ma’ Universal Credit.

Kompliet tgħid kif meta kienu qed jipproċessaw id-dettalji tagħha, tilfulha l-karti u saħansitra spiċċat ma ħaditx dak li kellha tieħu mis-sistema, u kellha terġa’ tibda l-proċess kollu mill-bidu.