“Jekk nitla’ jien, Malta trid terġa’ tibda tieħu l-immigranti”

Skont Silvio Berlusconi, jekk jitla’ l-partit tiegħu fil-Gvern fl-elezzjoni ġenerali Taljana se jassigura li l-immigranti li jiġu salvati fil-Mediterran viċin ta’ Malta, jintbagħtu Malta.
Hu qal dan waqt il-programm CartaBianca fuq l-istazzjoni televiżiv Rai Tre.
Berlusconi, l-eks-Prim Ministru Taljan u l-kap tal-partit Forza Italia qed jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni li se sseħħ fl-4 ta’ Marzu li ġej.
Hu saħaq li filwaqt li m’hemm l-ebda problema li l-immigranti jingħataw l-għajnuna meta jkunu fil-Mediterran, saħaq li ma jistax ikun li l-Italja tibqa’ toħodhom kollha fit-territorju tagħha.
Fid-diskors tiegħu qal li meta jiġi salvat grupp ta’ immigranti, u l-grupp tas-salvataġġ ikun viċin iktar ta’ Malta, dawn l-immigranti għandhom jittieħdu Malta. Huwa rraġuna bl-istess mod b’referenza għal Franza.
Berlusconi qal dan bi kritika għall-ftehim li għamel il-Gvern Taljan li jgħid li l-Italja għandha taċċetta l-immigranti kollha li jiġu salvati fil-Mediterran.
Skont Berlusconi, il-fatt li hemm aktar minn 600,000 immigrant wasal sabiex tibda kwistjoni soċjali li kapaċi toħloq kaos u problemi kbar u għaldaqstant jemmen li filwaqt li dawn in-nies għandhom jiġu rispettati umanament, l-Unjoni Erwopea għandha tagħmel mezz sabiex tgħin fir-ritorn tagħhom lura pajjiżhom.