“Jekk naħdmu flimkien biss nistgħu niksbu r-riżultati” – Il-Ministru Farrugia

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li jekk jaħdmu kollha flimkien, il-pajjiż jistgħu joħorġu b’miżuri aħjar biex jindirizzaw il-problema tal-immigrazzjoni u t-traffikar tal-immigranti.
Farrugia qal dan waqt laqgħa tal-Ministri għall-Intern tal-pajjiżi fiċ-Ċentru tal-Mediterran li saret f’Tuneż u li matulha l-pajjiżi kollha ffirmaw dikjarazzjoni bil-għan li jipprevjenu t-traffikar tal-immigranti, u allura jipprevjenu wkoll l-abbuż u r-riskju li jintilfu aktar ħajjiet fid-deżert u fil-baħar.
Fid-dikjarazzjoni, il-pajjiżi qablu li jsaħħu l-koperazzjoni fl-immaniġġjar tal-fruntieri, jipprevjenu u jaħdmu kontra l-migrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-immigranti u n-networks kriminali.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Farrugia saħaq li minkejja inizjattivi li l-Ewropa u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq qablu li jaħdmu fuqhom, jibqa’ l-fatt li l-pajjiżi fiċ-ċentru tal-Mediterran għandhom qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli.
Saħaq li mhux aċċettabbli li għad hawn persuni li qed jittrafikaw l-immigranti u jabbużaw minn persuni li qed ifittxu ħajja aħjar.
Il-Ministru Michael Farrugia insista li din mhux kwistjoni leġiżlattiva u ta’ relazzjoni internazzjonali biss, imma fl-aħħar mill-aħħar il-pajjiżi għandhom obbligu morali li jsolvu din il-problema u jipproteġu dawn il-persuni.
Għal-laqgħa kien hemm preżenti Ministri għall-Intern mill-Ġermanja, l-Alġerija, l-Awstrija, l-Eġġittu, Franza, l-Italja, il-Libja, il-Mali, Malta, in-Niger, l-Islovenja, l-Iżvizzera, iċ-Chad u t-Tuneżija, flimkien mal-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Ministru għall-Intern tal-Estonja li għandha f’idha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.