“Jekk Muscat jaħdem għall-abort se jsib lili kontrih” – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jekk Joseph Muscat se jaħdem għall-abort, se jsib lilu kontrih.

Abela kien qed jiġi intervistat minn Reno Bugeja waqt il-programm Dissett fuq TVM.

Fl-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru nhar il-Ġimgħa li għadda, Joseph Muscat qal li issa se jiffoka l-enerġija tiegħu fuq id-drittijiet ċivili u l-isport. Qal li fadal ħafna xi jsir fejn jidħlu drittijiet ċivili, u li jeħtieġ li jiġu rappreżentati l-fehmiet taż-żgħażagħ.

Bosta interpretaw dan il-kliem bħala d-dikjarazzjoni ta’ Muscat li se jibda jaħdem biex jintroduċi l-abort f’Malta. Meta Bugeja staqsa lil Abela dwar dan, il-Prim Ministru kien sod fi kliemu u qal li, “Jekk se jkun qed jaħdem għall-introduzzjoni tal-abort se jsib lili kontrih. X’beħsiebu jagħmel lilu trid tistaqsi.”

Meta ġie intervistat fuq Newsbook.com.mt waqt il-kampanja tiegħu, Abela kien ċar li hu kontra l-abort. Huwa insista li m’hemmx dubju li hu kontrih. Spjega li waħda mill-ikbar teżori f’ħajtu hija bintu Giorgia Mae.

Lil hinn minn dan is-suġġett, il-Prim Ministru tkellem fuq is-saltna tad-dritt u l-governanza tajba. Qal li jemmen fihom u fit-tisħiħ tal-ekonomija. Saħaq li wħud mir-riformi rakkomandati mill-Kummissjoni Venezja jeħtieġ li jiġu implimentati mingħajr iżjed dewmien. Irrefera speċifikament għall-appuntar tal-ġudikanti.

Meta mistoqsi dwar ir-reliġjon Kattolika fil-Kostituzzjoni u jekk għandux isir xi tibdil f’dan ir-rigward, Abela qal li hemm għadd ta’ kwistjonijiet li jeħtieġu tibdil, iżda din mhix waħda minnhom.

Dwar il-living wage, Abela qal li ma jistax jikkommetti ruħu għaliha sakemm ma tkunx żgurata s-sostenibbiltà.

Il-Prim Ministru ddiskuta wkoll il-Kabinett żagħżugħ li ħabbar ilbieraħ u li ħa l-ġurament tal-ħatra lbieraħ stess. Fisser li fis-snin li għaddew, innota li l-livell fil-laqgħat tal-Grupp Parlamentari kien qed ikun ogħla minn dak fil-laqgħat tal-Kabinett, għalhekk iddeċieda li jinvolvi bosta Membri Parlamentari żgħażagħ fil-Kabinett tiegħu. Semma l-ambjent bħala prijorità ta’ dan il-Gvern u qal li l-ambjent ma jistax jibqa’ ħaruf tas-sagrifiċċju għall-iżvilupp.