“Jekk mhux lest tneħħihom, itlaq int”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-Prim Ministru biex ikeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri mill-kariga tagħhom, u jekk mhux lest li jneħħihom jitlaq hu.
Mhux neskludi l-ebda azzjoni fl-interess tal-Poplu  u nressaq vot ta’ sfiduċja fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi
F’konferenza tal-aħbarijiet, Simon Busuttil qal li “l-Ministru Konrad Mizzi avveliena mad-dinja kollha u l-Gvern ħammeġ isem pajjiżna mad-dinja kollha”.
Saħaq li f'pajjiżi bħall-Iżlanda hemm talba għar-riżenja tal-Prim Ministru minħabba l-involviment f'dan il-każ.
Madankollu f'Malta l-Prim Ministru għadu ma tax reazzjoni.
Saħaq li hemm theddida kbira għall-ekonomija ta' pajjiżna, għax l-iskandlu tal-Panama jolqot lis-servizzi finanzjarji.
“Mill-Ministeru ta’ Konrad Mizzi għaddew kuntratti kbar ta' dan il-Gvern, li lkoll baqgħu sigrieti
B’reazzjoni għal Panama Papers, Simon Busuttil qal li fost il-140 politiku msemmijin fid-dokumenti hemm Konrad Mizzi, li hu l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea involut.
B’referenza  għar-rapporti li kien hemm li pprovaw jiftħu kontijiet f’Dubaj u fl-Emirati Għarab Maqgħuda, Simon Busuttil qal li ma rnexilhomx għax il-banek ma ridux, minħabba li riedu jserrħu rashom li l-flus mhux ġejjin mill-korruzzjoni.
Tenna li għax il-banek saħqu fuq xi kundizzjonijiet, Keith Schembri u Konrad Mizzi qalu li l-flus għamluhom mis-senserija
Żied jgħid li jirriżulta li Konrad Mizzi u Keith Schembri riedu jpoġġu flus fil-kontijiet li kienu ġejjin mill-konsulenza u s-senserija.
“Il-PN qed jistenna lill-Korp tal-Pulizija Malti jinvestiga l-informazzjoni li ħarġet sa issa
Temm jgħid li “bl-ikbar ipokresija, Joseph Muscat kien qal li jekk hemm persuna fil-Partit Laburista mdaħħla fis-Swissleaks, din titkeċċa mill partit. Issa mhuwiex jagħmel l-istess”.