“Jekk mhux bil-libsa tagħna ma nidħlux għall-Eurovision” – Ekklesia Sisters

Skont il-midja Taljana, jekk is-sorijiet Ursolini li qed jikkompetu mal-20 semi-finalista tal-Malta Eurovision Song Contest jirbħu l-konkors, jista' jkollhom diffikultà għax jiġu mitluba jinterpretaw il-kanzunetta tagħhom bla salib u b'ilbies ieħor mhux marbut mar-reliġjon. Dan għax skont il-midja Taljana r-regolamenti tal-Eurovision Song Contest ma jippermettux li jintuża materjal politiku jew ta' natura oħra li jista' jwassal messaġġ direttament għar-reliġjon.
Ir-regolamenti uffiċjali tas-60 edizzjoni tal-Festival jgħidu li ma jista' jkun hemm l-ebda messaġġ li jippromwovi organizzazzjoni jew istituzzjoni politika jew ta' natura oħra la waqt is-serati u lanqas fil-postijiet fejn isiru l-avvenimenti l-oħra tal-Festival.
Waħda mis-sorijiet kantanti, Sr Michela, fuq Facebook spjegat li għall-grupp ta' sorijiet, din hija xi ħaġa inaċċettabbli. F'wieħed mill-kummenti tagħha, Sr. Michela kitbet: "Jew bl-abitu religjuż, jew xejn!  M'aħniex interessati f'xejn aktar ħlief li nkunu xhieda. Barkiet."
Lura fl-2010 bir-regolamenti ta' dik is-sena, meta l-kantanta Ġermaniża Lena Meyer Landrut rebħet il-Festival ta' dak is-sena kienet liebsa s-salib ta' Taize. Il-kantanta kienet dehret tul il-perjodu kollu tal-Festival liebsa dan is-salib. Minkejja dan, mhux biss ma ġietx skwalifikata imma spiċċat rebħet il-Festival dik is-sena u reġgħet ġiet magħżula biex tieħu sehem is-sena ta' wara fl-2011.