Jekk marid ħalli 15-il jum qabel tagħti d-demm

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ifakkar lil dawk  li kienu morda u jixtiequ jagħtu d-demm, biex tal-inqas iħallu jgħaddu 15-il jum minn meta jkunu fiequ kompletament.
Fi stqarrija, is-Servizz sostna li dan jgħod aktar għal dawk li kellhom jieħdu l-antibijotiċi.
Jieħu l-opportunità biex jappella lil dawk li qed igawdu saħħithom biex imorru jagħtu d-demm.
Kuljum fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa bejn it-8am u s-6pm.
Nhar il-Ħadd, il-Mobile Blood Donation Unit se tkun quddiem il-Bini Amministrattiv tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi bejn it-8.30am u s-1pm, fejn se jiġu offruti wkoll servizzi fosthom kejl tal-pressjoni u l-livell ta’ zokkor fid-demm.
Il-Ħadd ukoll f’Għawdex se jkun disponibbli l-għoti tad-demm bejn it-8am u s-1pm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali.