“Jekk Malta mhux se taħdem fuq fejn hi dgħajfa, l-Ewropa trid tintervjeni” – KE

Luke Zerafa

Read in English.

Verżjoni bikrija ta’ rapport mill-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, ikkonkluda li jekk Malta mhux se tkun qed taħdem biex tirranġa fejn hi l-aktar dgħajfa, l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jintervjenu.

L-abbozz li wasal għand Newsbook.com.mt jikkonkludi li s-saltna tad-dritt f’Malta hija imminata “mid-difetti estremi taċ-checks and balances tas-sistema”. L-abbozz se jiġi diskuss u mbagħad jittieħed vot fuqu t-Tlieta li ġej waqt Assemblea Parlamentari tal-kumitat għall-Affarijiet Legali. Sorsi fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa qalu ma’ Newsbook.com.mt li ma jistgħux jiftakru f’rapport tal-kunsill fuq Stat Membru Ewropew li juża lingwa daqshekk ta’ kundanna. Is-sorsi rrimarkaw li hawnhekk mhux qed nitkellmu dwar ir-Russja.

Fil-konklużjoni tal-abbozz, l-Assemblea wissiet li d-dgħjufija fiċ-checks and balances, qed toħroġ vulnerabbiltà mhux biss fil-pajjiż iżda wkoll fil-bloc Ewropew. Fakkru wkoll li ċittadinanza Maltija tfisser ukoll ċittadinanza Ewropea u l-banek li jingħataw il-liċenzja f’Malta, qed jingħataw ukoll aċċess għas-sistema bankarja Ewropea. Ir-rapport jitlob għal riforma ħolistika u fundamentali u li tissuġġetta l-uffiċċju tal-Prim Ministru għal sistemi effettivi ta’ checks and balances.

Impunità sħiħa

Ir-rapport jgħid li l-Pulizija fallew bosta drabi milli jinvestigaw persuni bħal Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. It-tnejn li huma kienu suġġetti għall-investigazzjonijiet tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Ir-rapport innota li bosta individwi qed igawdu minn impunità u jinsabu taħt il-protezzjoni personali tal-Prim Ministru.

L-abbozz iħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin li jenforzaw il-liġi sabiex iwaqqfu l-arja ta’ impunità u jinvestigaw dawk suspettati li huma involuti jew qed jibbenefikaw mill-iskandli li kixfet Caruana Galizia u ġurnalisti oħrajn f’Malta.