Jekk ma tisseparax l-iskart se tkun ħati kriminalment

Min ma jisseparax l-iskart se jkun ħati ta’ reat kriminali.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li l-Gvern kellu jieħu passi iebsin ta’ bilfors peress li Malta waqgħet lura fil-miri ambjentali li ssottomettiet lill-Kummissjoni Ewropea.
Herrera kien qed jagħlaq id-diskussjoni dwar l-abbozz tal-liġi li temenda l-kostituzzjoni ta’ Malta.
Huwa spjega li Malta qiegħda lura fil-miri stabbiliti dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart u kellha ssir xi ħaġa biex il-miri jintlaħqu. Herrera qal li l-iskema mħabbra dwar il-ġbir tal-fliexken tal-plastik mhix se tkun biżżejjed u allura se jitħabbru miżuri oħra.
Minkejja li Malta għandha l-anqas emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea minħabba d-daqs żgħir tagħha, madanakollu l-miri stabbilti kienu ambizzjużi wisq minħabba l-fatt li Malta għandha ekonomija bbażata fuq is-servizzi u mhux fuq l-industrija allura m`għandiex minfejn tnaqqas l-emissjonijiet.
Hu qal li ħafna mill-emissjonijiet ġejjin mit-trasport.
Min-naħa tiegħu, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi qal li l-kwalità tal-arja f’Malta hi fost l-agħar fl-Unjoni Ewropea.
Azzopardi spjega kif il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien għamel kampanja f’Marsaxlokk meta qal li kien hemm fabbrika tal-kanċer minħabba l-power station. B`hekk, Azzopardi sostna li kien ta l-impressjoni li hekk kif tingħalaq il-power station se jkun hemm titjib fl-arja iżda dan ma seħħx.
Dwar it-traffiku, Azzopardi qal li s-soluzzjoni mhix li jitwessa' t-triq iżda li l-Gvern jinvesti fi proġett infrastrutturali bħal dak li kien qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni bil-bini ta’ tramm.