“Jekk ma ssegwux il-miżuri niltaqgħu l-Emerġenza f’Jannar” – Il-Kap tal-Emerġenza

Tabib Michael Spiteri emerġenza kju vapur

Read in English.

It-Tabib Michael Spiteri, li hu l-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, appella lin-nies biex jimxu mal-miżuri restrittivi kontra l-coronavirus f’dan iż-żmien ta’ festi, għax jekk le, jispiċċa jiltaqa’ magħhom fl-Emerġenza għall-ħabta ta’ nofs Jannar.

It-tabib kiteb dan fuq Facebook b’reazzjoni għall-kju twil ta’ karozzi jistennew il-vapur għal Għawdex ilbieraħ, x’aktarx għaliex ħafna nies se jqattgħu tmiem is-sena hemmhekk, ġo xi farmhouse mikrija bejn il-ħbieb. Dan minkejja l-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex in-nies ma jitħalltux ma’ oħrajn li ma joqogħdux magħhom fl-istess dar.

Ilbieraħ, fl-aħħar aġġornament fuq il-Covid-19 tagħha din is-sena, Prof. Charmaine Gauci reġgħet appellat lil-pubbliku sabiex jevita milli jinġabar fi gruppi, speċjalment f’dawk li ma jkunux ġejjin mill-istess dar.

It-Tabib Spiteri kiteb li jittama li n-nies jużaw is-sens komun. B’reazzjoni għat-traffiku għall-vapur, huwa qal li mhux ottimist imma għad għandu t-tama.

“Attivitajiet kbar barra mid-dar tagħkom jibqgħu riskjużi immens, imma nemmen li l-maġġoranza tal-Maltin ħadu l-messaġġ u se jużaw il-kawtela u jsegwu l-linji gwida tas-Saħħa Pubblika… jekk dan mhux il-każ, niltaqgħu fid-Dipartiment tal-Emerġenza xi l-15 ta’ Jannar,” kiteb it-tabib.

I am just hoping against hope that common sense prevails. Judging from the queues for the Gozo ferry, I am not being…

Posted by Michael Spiteri on Wednesday, December 30, 2020

Fil-bidu ta’ Diċembru, id-Deputat President tal-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar (SMEs) Philip Fenech qal li huwa inkwetanti li għall-festi qegħdin jiġu ppjanati parties ġol-farmhouses u l-appartamenti bid-divertiment, li jmorru kontra s-sagrifiċċji kollha li saru fl-aħħar xhur.

Dan tal-bieraħ ma kienx l-ewwel appell tat-Tabib Michael Spiteri, li ta’ sikwit iwissi fuq il-ħtieġa li kulħadd jimxi mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.