“Jekk ma noqogħdux attenti nistgħu nbatu dak li ma seħħx fl-ewwel parti”

“Ma rridux inbaxxu jew nillaxkaw l-attenzjoni tagħna. Għadna f’salib it-toroq. Jekk ma noqogħdux attenti nistgħu nbatu dak li ma batejniex fl-ewwel parti. Ir-responsabbiltà hija importanti mhux biss lejna nfusna imma lejn il-komunità kollha”.

Dan qalu l-President ta’ Malta George Vella meta intervistat waqt Newsbook Hour fuq l-istazzjon 103.

Il-President Vella qal li rridu nżommu f’moħħna li għadna għaddejjin minn vjaġġ u li d-destinazzjoni tiegħu għad ma lħaqnihiex. Insista li rridu nżommu l-attenzjoni u naġixxu b’responsabbilità għax inkella nitilfu dak kollu li akkwistajna.

“Grazzi u kuraġġ”

Dr George Vella stqarr li f’dawn l-aħħar jiem, kellu laqgħat mal-ogħla uffiċjali fil-qasam tas-saħħa pubblika u anke tas-servizz pubbliku, fejn mhux biss irringrazzjahom tas-servizz li taw, iżda nkoraġġihom għaż-żmien li ġej. Il-President qal li kienet importanti u apprezzata l-kordinazzjoni tajba ħafna, ta’ kif ħarġu l-messaġġi tar-riżultati, u tad-dixxiplina li ntweriet. Fisser li l-mexxejja, u l-professjonisti, li ta l-indikazzjonijiet u d-direzzjonijiet ta’ xi jrid isir, kien kredibbli u twassal b’mod ċar ħafna. Fi kliem il-President dan wassal biex il-poplu ta’ l-fiduċja tiegħu u beda jobdi l-ordnijiet. “Sal-lum ngħidu li kellna sitwazzjoni li kienet tajba ħafna”, żied jgħid Vella.

Ma tistax tinsa lil ħaddieħor”

“Jien bqajt ġo l-istess erbat ikmamar nippassiġġa minn naħa għal oħra kuljum. Qed ngħid hekk, għax f’dawn il-mumenti nġib quddiem għajnejja li filwaqt li tajjeb u ħażin ninsab fil-kumdità, aħseb u ara kif qed iħossuhom dawk li qegħdin fi flat ta’ erbat ikmamar, bit-tfal jiġru ’l hemm u ’l hawn, wiċċu mal-konkos li għandu quddiemu, ġurnata wara ġurnata , ġimgħa wara ġimgħa, minn xiex ikun għaddej”, irrimarka l-President.

Saħaq li wieħed ma jistax jinsa lil ħaddieħor. Semma lill-anzjani, li jgħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli, kemm minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità u n-nuqqas ta’ kuntatt mal-qraba.

Il-President Vella semma l-importanza tas-saħħa mentali, għax fi kliemu, huwa veru li bniedem jista’ jkollu reżiljenza, madanakollu “l-bniedem jirreżisti l-ewwel ġimgħa, tnejn, tlieta, erbgħa, imma mbagħad iż-żmien twal.”

Ħadd ma jrid li dak li ma għaddejniex minnu fil-bidu narawh aktar tard

Appella li għadna għaddejjin f’dan il-vjaġġ u mixjin lejn sajf li warajh ġej l-istaġun tal-influwenza, u jaf magħha terġa’ tgħolli rasha l-Covid-19.

“Ħadd ma jrid li dak li ma għaddejniex minnu fil-bidu narawh aktar tard. Kulħadd jiftakar il-kruha li rajna f’pajjiżi qrib tagħna bħall-Italja – trakkijiet tal-militar iġorru twiebet. Waħx kienu. Nispera f’Alla li nkomplu naħdmu u nikkoperaw flimkien”, kompla jgħid.

“Kburi kif ħdimna flimkien”

Il-President George Vella temm jgħid li jħossu kburi li ċ-ċivil u l-poplu Malti ħadmu flimkien għal riżultat pożittiv. Fisser li mhux jgħid dan biex jinki lil ħaddieħor, imma għax il-koperazzjoni evitat traġedji kbar. “Jekk ma nibqgħux bilgħaqal u ma nżommux dixxiplina – ħadd ma jista’ jipprevjeni x’jista jkun ir-riżultat”, temm il-President.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn