Jekk ma neħdux azzjoni malajr se jkollna kollass – Von der Leyen

Read in English.

“Jekk ma nieħdux azzjoni malajr, l-imxija tal-vajrus se jwassal lis-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħna f’punt li ma jistgħux ilaħħqu aktar”. Dan qalitu il-President tal-Kummissjoni

Waqt vidjo-konferenza bejn il-mexxejja tal-UE biex jiddiskutu l-kriżi tas-saħħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret li l-Unjoni kienet se tipprovdi 220 miljun ewro biex tgħin lill-pazjenti tal-Covid-19 jingħataw il-kura f’pajjiż ieħor.

Waqt il-laqgħa, il-mexxejja qablu li jikkordinaw aħjar l-isforzi biex ikun miġġieled il-vajrus, f’mument fejn in-numru ta’ infettati fl-Ewropa qabeż l-10 miljuni, biex il-kontinent issa huwa mill-ġdid l-epiċentru tal-pandemija.

Sadanittant tħabba li l-UE se tħallas għat-trasferimenti ta’ pazjenti bejn l-Istati Membri biex tevita li l-isptarijiet jaslu f’punt li ma jistgħux ilaħħqu man-numru ta’ persuni li jeħtieġu trattament l-isptar b’infezzjoni b’Covid-19.

Biex l-infezzjonijiet jiġu identifikati aħjar, von der Leyen qalet li l-UE qed taħdem biex jiġu approvati kemm jista’ jkun malajr testijiet aktar veloċi, magħrufa bħala rapid antigen tests, li jagħtu riżultat ferm aktar malajr mit-testijiet standard magħrufa bħala PCR.

Il-Kummissjoni qed tinstensifika wkoll l-isforzi biex ikun disponibbli vaċċin għal kontra l-vajrus u tinsab f’diskussjonijiet ma’ erba’ kumpaniji oħra, Moderna, CureVac u sħubija ta’ bejn Pfizer u BionTech. L-UE diġà għandha ftehim ta’ provvista ma’ AstraZeneca, Sanofi u Johnson & Johnson.

Il-President tal-Kunsill, Charles Michel, qal li l-mexxejja tal-UE huma kommessi favur distribuzzjoni ġusta tal-vaċċini, li għandha ssir skont il-popolazzjoni. Huwa żied jgħid li l-pjanijiet fuq livell nazzjonali huma importanti biex l-ewwel dożi limitati jkunu jistgħu jingħataw malajr lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Bosta pajjiżi għadhom ma identifikawx il-pjanijiet tagħhom u għandhom oġġettivi differenti.