“Jekk ma naqlax €600 kuljum nispiċċa msawta”

Eksprostituta tirrakkonta ma' Newsbook.com.mt li jekk ma kinitx taqla' bejn €600 u €700 kuljum, kienet tispiċċa msawta mill-irġiel li ttraffikawha.  Spjegat li dan meta kull servizz li kienet tagħti kien jibda minn €5 biss. Dan ifisser massimu ta' 140 klijent kuljum. 
Newsbook.com.mt tkellem ma' Maria*, waqt żjara lill-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni, ir-Reintegrazzjoni u l-Kura tan-Nisa Traffikati għall-Prostituzzjoni, APRAMP, f’Madrid. 
Maria rrakkuntat is-sitwazzjoni vulnerabbli li kienet fiha u kif beda kollox. 
"Jew nipprostitwixxi ruħi, jew joqtluli l-familja"
Ta' 18-il sena, kienet tistudja l-liġi fl-Università tar-Repubblika Dumnikana. Iżda ftit snin wara, meta kienet għadha studenta, bdiet tiġi mhedda minn grupp ta’ rġiel li jekk ma tbigħx ruħha għall-prostituzzjoni, jew tħallashom eluf ta’ flus li ma kellhiex, kienu se joqtlulha l-kuġini tagħha, li kien għad għandhom madwar erba’ u sitt snin. Maria spjegat li dan ma kienx theddid fieragħ.
Tant hu hekk, li qalet li kellha ħbieb li saħansitra tilfu l-ġenituri tagħhom meta ma aċċettawx li jiġu traffikati u pprovaw jaħarbu mis-sitwazzjoni.  
Għalhekk, Maria ma rat l-ebda għażla oħra ħlief li titlaq il-ħajja li kellha għal ħajja ġdida f’pajjiż barrani, Spanja, fejn lanqas biss kienet taf titkellem il-lingwa.
Kompliet tgħid li, bħala vittma tat-traffikar, hija qatt ma ħassitha sigura biżżejjed li tagħmel rapport f’għassa tal-pulizija, għax kienet taf li mhu ħa jsir xejn dwar il-każ tagħha, u li kienet se tbati l-konsegwenzi ta’ azzjonijietha.
Madankollu, qalet li ħajjitha nbidlet għall-aħjar meta voluntiera tal-APRAMP, irrealizzaw li kienet qed tinżamm kontra r-rieda tagħha, u bdew jagħtuha l-għajnuna bil-moħbi.
"Irnexxieli nitlaq mill-prostituzzjoni wara 7 snin"
Wara seba’ snin, Maria rnexxielha titlaq il-ħajja tal-prostituzzjoni u tirkupra minnha, hekk kif illum il-ġurnata qed toffri l-għajnuna tagħha lill-vittmi bħalha, biex jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn biex jibnu ħajja ġdida u jfendu għal rashom.  
Minkejja li hi kienet imfarfra meta ġiet ittraffikata, saħqet li iktar ma jgħaddi żmien iktar tfajliet qed isiru vittmi tat-traffikar ta’ età żgħira, hekk kif qalet li l-iżgħar vittmi li għenet kellhom biss 13-il sena, u l-età medja tal-vittmi hija bejn 14 u 30 sena.
Għalhekk, Maria temmet tisħaq fuq l-importanza li l-Pulizija mhux biss fi Spanja iżda madwar id-dinja, tiġi mħarrġa biex tagħraf każ ta’ traffikar għall-prostituzzjoni, u taħdem id f’id ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi bħal APRAMP biex joffru lil dawn it-tfajliet futur alternattiv għall-ħabs sesswali li qed jgħixu fih. 
*L-ismijiet inbidlu biex jipproteġu l-identità tal-persuna.