“Jekk ma jiġux addottati l-ħnieżer se jinqatlu”

Wara li għamlet kuntatt mal-veterinarju tal-biċċerija, kelliema għal Animal Liberation Malta qalet li jekk il-ħnieżer li nstabu jiġru f’għelieqi fil-Mellieħa ma jiġux addottati sal-4 ta’ Settembru se jinqatlu.

Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt waqt li spjegat li kkuntattjat lill-veterinarju tal-biċċerija wara li Noah’s Ark offrew li jieħdu lill-ħnieżer għandhom sakemm dawn jiġu addottati. Il-kelliema spjegat li l-attivisti kienu lesti li jmorru kuljum Noah’s Arc sabiex inaddfu u jitimgħu lill-ħnieżer.

Madanakollu sostniet li l-veterinarju qalilha li ma jistgħux jitmexxew mir-razzett fejn jinsabu u li sidhom huwa responsabbli bid-deċiżjoni ta’ x’għandu jsir minnhom. Qalet li l-veterinarju sostna li minkejja li s-sid ikkonfermat li l-ħnieżer jistgħu jiġu addottati, tista’ tiddeċiedi li tibagħthom għall-qatla hekk kif dawn ġew imkabbra speċifikament għall-ikel.

Kull min jixtieq jadotta ħanżir irid jikkuntattja lill-veterinarju permezz ta’ imejl, jimla l-applikazzjoni li tintbagħtlu, imbagħad isirulu spezzjonijiet mill-veterinarji tal-biċċerija sabiex jiġi determinat li għandu post tajjeb biżżejjed fejn jgħajjex lill-ħanżir. Finalment, spjegat il-kelliema, is-sid jiddeċiedi jekk iħallix lill-ħanżir jiġi addottat mill-persuna speċifika jew le.

Nhar l-Erbgħa li għadda, l-istess għaqda kitbet fuq Facebook li l-ħnieżer instabu jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena fejn ħadd ma jagħti kashom. Huma ddeskrivew kif sabu 35 ħanżir f’għelieqi mingħajr m’huma rreġistrati, li skont il-liġi ta’ Malta, tfisser li għandhom jittieħdu għal qatla.

Sid il-ħnieżer kienet ikkuntattjat lil Newsbook.com.mt b’informazzjoni li l-ħnieżer huma stmati u li l-ġebel imqalleb hija xi ħaġa li jagħmlu huma b’mod normali. Hi saħqet li veterinarji mill-biċċerija żaru l-ħnieżer u qalu li jinsabu f’kundizzjoni tajba.

Dwar il-każ, Newsbook.com.mt pprova jikkuntattja lill-veterinarju numru ta’ drabi, madanakollu sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma rċevejna l-ebda tip ta’ risposta.