Jekk kont se tarmi xi softoys u cushions…

Matul din il-ġimgħa, it-tfal tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop qed jiġbru soft toys, cushions, biċċiet ta’ drapp u materjali oħra li kienu ser jintremew u jgħadduhom lill-anzjani tad-Day Centre biex joħolqu ġugarelli u affarijiet oħra li jistgħu jintużaw fid-dar.
L-Iskola Primarja, kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, ħarġu b’din l-inizjattiva sabiex il-lokalità tagħhom tkun tista’ tipparteċipa fil-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart, li qed tiġi organizzata madwar l-Ewropa din il-ġimgħa.
Fost l-attivitajiet l-oħra li qed jiġu organizzati mill-iskola se jkun hemm kompetizzjoni bejn l-istudenti biex min jiġbor l-akbar ammont (f’piż) ta’ fliexken tal-plastik sal-aħħar tal-ġimgħa jirbaħ rota, li ser tingħata mill-kumpanija GreenPak.
L-istudenti se jkunu qed jippreparaw ukoll dekorazzjonijiet tal-Milied magħmula minn materjal riċiklat, u li jiġu esibiti fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop matul din il-ġimgħa. 
L-attivitajiet se jilħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ġimgħa li ġej, mis-1.30pm sas-2.30pm fl-Iskola Primarja, fejn se jittellgħu diversi attivitajiet li jippromwovu l-importanza tar-riċiklaġġ u tas-separazzjoni tal-iskart fost it-tfal.
Filwaqt li se jiġu organizzati diversi taħdidiet għat-tfal dwar l-għażla tal-iskart, dakinhar se jsiru wkoll taħdidiet ta’ informazzjoni dwar l-iskart mill-GreenPak u minn WasteServ, kif ukoll kompetizzjoni bejn it-tfal u l-ġenituri bit-tema ‘Agħżel l-Iskart bil-Għaqal’.
Il-Kunsill se jipprepara wkoll filmat dwar l-għażla tal-iskart, fejn it-tfal jgħallmu lill-kbar kif għandhom jirriċiklaw.