L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi sostniet li jekk jintemm il-qlib tal-ħin bi-annwali se jinħoloq kaos sħiħ. Dan qalitu wara li nhar it-Tlieta, il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw dwar il-proposta biex tintemm il-prattika li ddur is-siegħa fir-Rebbiegħa u fil-Ħarifa mill-2021.
L-aħħar bidla bejn il-ħin tas-sajf u tax-xitwa fl-2021
Mizzi kienet waħda minn dawk li vvotat kontra din il-proposta, mhux għax ma taqbilx li dan għandu jsir, iżda għax ma taqbilx li l-Istati Membri jagħżlu huma liema ħin jixtiequ jżommu. Sostniet li din l-għażla se toħloq kaos kbir.
Mizzi sostniet li l-vot meħud se jippermetti li l-Istati Membri joħolqu żoni ta’ ħin differenti, li se jħalli impatt negattiv ħafna fuq it-tħaddim xieraq tas-suq intern. Sostniet li bħala shadow rapporteur tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ippruvat tindirizza din il-kwistjoni billi pproponiet ħin armonizzat wieħed, madanakollu sostniet li l-interessi personali kienu b’saħħithom wisq biex jingħelbu. Insistiet li l-proposta tal-Parlament Ewropew tmur kontra dak li talbu ċ-ċittadini u se tirriżulta fi frammentazzjoni tal-ħinijiet.