Jekk jibqa’ Muscat, Malta bla normalità – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li Malta ma tistax tibda tirritorna għan-normalità jekk fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja se jibqa’ Joseph Muscat iggranfat mas-siġġu tal-poter.

Delia qal dan meta kien intervistat fuq NET FM. Saħaq li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru qed toħloq instabbiltà kbira fuq il-pajjiż u li l-pożizzjoni tiegħu mhix aktar tenibbli.

“Dan għax l-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa istituzzjoni fundamentali għall-pajjiż u l-kapaċità tiegħu li jħares ir-reputazzjoni ta’ Malta ġiet kompromessa. Dan meta l-Prim Ministru kien qal li jrid jibqa’ fil-kariga biex jagħti stabbilità”, kompla jgħid Delia.

Fisser li s-sitwazzjoni mhix aċċettabbli għax l-inċertezza kollha qed tpoġġi l-ekonomija fil-periklu u l-impjiegi tal-ħaddiema f’riskju kbir. Dr Delia tenna li l-pajjiż jinsab għaddej minn kriżi kostituzzjonali u instituzzjonali, “meta qed tiġi kkalpestata s-separazzjoni tal-poteri u l-Gvern jibqa’ jirrifjuta għal bosta drabi li jagħmel dibattitu fil-Parlament u l-Prim Ministru m’għamilx stqarrija ministerjali dwar dak li ġara u li qed jiġri”.

Il-Kap tal-PN qal li fl-istess waqt li ġie rilaxxat l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, saret laqgħa urġenti tal-Kabinett tal-Ministri. “Dakinhar f’Kastilja, il-membri tal-Kabinett kellhom l-opportunità li jieħdu l-aktar deċiżjoni onorabbli iżda ddeċidew li ma jgħidux ħadux azzjoni biex ikeċċu lil Joseph Muscat”, kompla jgħid.