Jekk jerġgħu jinħarġu vawċers għandhom jissarrfu anke f’mediċina u f’ikel – APF

Read in English.

Il-Forum ta’ Kontra l-Faqar (APF) issuġġerixxa li jekk jerġgħu jinħarġu vawċers mill-Gvern bħalma diġà nħarġu tul din il-pandemija, dawn għandhom jissarrfu f’mediċina, f’ikel u affarijiet oħra bżonjużi, f’edukazzjoni u f’ġugarelli, apparti milli f’ristoranti u fi ħwejjeġ kif diġà seħħ.

Din kienet waħda mis-suġġerimenti tal-Forum, flimkien ma’ għajnuna fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma lil dawk il-familji l-aktar affettwati fil-pandemija u sussidju fuq ikel tajjeb għas-saħħa bħal ħaxix u frott.

Il-Forum ta’ Kontra l-Faqar ikkummenta dwar kif il-coronavirus kellu diversi konsegwenzi soċjali u ekonomiċi fuq Malta, speċjalment fuq persuni f’riskju tal-faqar u esklużi mis-soċjetà, il-familji tagħhom u gruppi vulnerabbli oħra.

F’Awwissu li għadda, il-Gvern ikkummissjona studju biex jiddetermina kif dħul bażiku jista’ jiġi implimentat f’Malta. Il-Forum qal li dħul adekwat hu meħtieġ biex individwi jgħixu b’mod diċenti, speċjalment meta jridu jgħajxu familja.

Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), il-qabża bejn nies li għandhom dħul għoli u dħul baxx kulma jmur qed tikber.

L-istatistika tal-NSO turi li fl-2019 kien hemm 82,758 persuna, jiġifieri 17.1%, li kienu qegħdin jgħixu bi dħul ta’ €9,212 fis-sena. Dan ikkumparat mat-78,685 persuna tas-sena preċedenti. Dan ifisser li mill-2018 sal-2019 kien hemm żieda ta’ 4,073 persuna li kienu qegħdin jgħaddu b’dan id-dħul. Fl-2019 kien hemm 14,549 persuna, jiġifieri 3%, jgħixu bi dħul ta’ €6,142 f’sena, ikkumparati mas-16,241 tas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li dawn naqsu bi 3.5% f’temp ta’ sena.

Minkejja li kien hemm tnaqqis ta’ 5.7% mis-sena ta’ qabel, in-nisa baqgħu fuq nett fil-kategorija ta’ persuni f’riskju, partikolarment nisa li huma ġenituri waħedhom u nisa anzjani.

Il-Forum ta’ Kontra l-Faqar huwa magħmul minn 13-il NGO li jaħdmu flimkien bħala network fuq il-faqar. Dan il-forum jorganizza għadd ta’ konferenzi u focus groups, jippromwovi r-riċerka, ixerred l-informazzjoni u jqajjem kuxjenza fuq il-faqar f’Malta. Il-forum huwa parti mill-kumitat tas-soċjetà ċivili MCESD u hu affiljat man-Network Ewropew ta’ Kontra l-Faqar (EAPN).