“Jekk iżżur l-isptar bħalissa, nitolbok tirringrazzja lill-ħaddiema” – CEO ta’ Mater Dei

Dawk li qed ikollhom iżuru l-isptar Mater Dei f’dawn il-jiem intalbu mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ivan Falzon jirringrazzjaw lill-eqreb ħaddiem li jsibu tax-xogħol li qed jagħmlu b’dedikazzjoni.

F’messaġġ fuq Facebook Falzon qal li l-aħħar jiem kienu jiem ta’ sfida għall-isptar. Kienu qed jaraw influss ta’ 200 pazjent ġodda kull 24 siegħa.

“Nafu li waqt dawn is-sigħat ta’ sfida xi drabi nqasna milli nilħqu l-aspettattivi tagħkom. Il-ħinijiet tal-istennija kienu itwal u r-riżorsi kienu qed jiġġebdu. Għal dan niskużaw ruħna.”

Falzon qal li l-impjegati tal-isptar ħadmu sigħat żejda biex jieħdu ħsieb il-pazjenti.

“Jekk se żżur l-isptar, nitolbok biex issib l-eqreb impjegat li qed jgħin lil dawk li tħobb u rringrazzjah. L-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu. Min-naħa tagħna nwiegħdu l-impenn sħiħ tagħna biex inkomplu nipprovdulek l-aqwa pakkeġġ ta’ kura ta’ kwalità minkejja l-isfidi,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv.