“Jekk iwaqqa’ d-djar u ma jiġrilu xejn, jerġa’ jwaqqa’ oħrajn” – Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li jekk min iwaqqa’ d-djar ma jiġix ikkastigat, dan jerġa’ jwaqqa’ oħrajn.

Dan qalu fuq Facebook dalgħodu b’rabta mad-dar li ġġarrfet nhar it-Tnejn li għadda fil-Ħamrun, li ħadet il-ħajja tar-residenta Miriam Pace, mara ta’ 54 sena u omm ta’ żewġ ulied.

Il-Pulizija arrestat lil sitt persuni b’rabta mal-każ: lill-perit, lil żewġ ħaddiema, lill-uffiċjal tekniku tas-sit (STO) u liż-żewġ kuntratturi.

F’kitba riflessiva, Bartolo qal li tindifen mejta wkoll kerha, aħseb u ara tindifen ħajja.

Huwa kkwota silta mill-eqdem poeżija bil-Malti, “Il-Kantilena” ta’ Pietru Caxaro, li tgħid, “Waqgħet hi mrammti, li ili żmien nibni.” Din il-poeżija tmur lura għas-seklu 15, iżda Bartolo qabbilha mal-2020, meta waqgħet dar għaliex kien hemm nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet.

Il-jum it-tajjeb(meta tassew jisbah). Tindifen mejta wkoll kerha. Ahseb u ara tindifen hajja. Id-djar ma jaqghux…

Posted by Evarist Bartolo on Tuesday, March 3, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu d-dover tal-politiċi li jiżguraw li dak li ġara ma jseħħx darb’oħra u b’hekk biss tkun onorata l-memorja ta’ Miriam Pace. Sostna li ma jistax ikun li professjonisti jkunu wkoll żviluppaturi. Hu qal li filwaqt li l-ġustizzja trid tieħu l-kors tagħha, qed jinsisti mal-pulizija biex ma jkaxkrux saqajhom u mal-ġudikatura biex jagħtu pieni xierqa f’dan il-każ.

Nhar is-Sibt li ġej se ssir protesta kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi, organizzata mill-Moviment Graffitti. Din tibda fl-10.30am quddiem il-Kulleġġ tas-Subien St Thomas More f’Santa Venera u se timxi lejn is-sit tat-traġedja fejn se jsiru xi diskorsi.