“Jekk it-taxxi jiġu armonizzati se jaqlagħha l-aktar il-ħaddiem u l-pensjonant” – Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant, jibża’ li jekk it-taxxi tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jiġu armonizzati, l-aktar li jbati jkun il-ħaddiem u l-pensjonant li kellu jagħmel sagrifiċċji sinjifikanti meta l-ekonomija fl-unjoni ma kinitx sejra tajjeb.
Kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni kienu ħarġu kontra din il-proposta.
Dan id-diskors Sant qalu waqt intervent fil-Parlament Ewropew bħala rapporteur għas-Soċjalisti u d-Demokratiċi dwar ir-Rapport Annwali tal-Politika tal-Kompetizzjoni.
Irrimarka li se tkun ħasra jekk il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tispiċċa titmexxa mill-populisti tat-taxxa li qed jimbottaw għall-armonizzazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni u li m’għandhom ebda problema jużaw il-politika tal-kompetizzjoni biex jiksbu dan l-għan.
Dr Sant qal li f’dan l-ambjent sar diffiċli l-evitar ta’ politika li tlibbes l-istess żarbun lil kulħadd, li ma tiddiskriminax bejn in-nord u s-sud, il-gżejjer u bliet metropolitani, dawk fil-periferija u dawk ċentrali.
Semma kif l-ipprivatizzar ta’ infrastruttura importanti, bħal dik fit-trasport u issa anki fis-saħħa pubblika, ġew ippreżentati bħala investimenti ekonomikament mixtieqa mil-lenti tal-kompetittività, iżda l-impatt soċjali, u kif ukoll xi wħud ekonomiċi, ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni.
Temm jgħid li issa li l-enfażi miexja lejn kunsiderazzjonijiet tal-għajnuna tal-istat dwar politika ta’ tassazzjoni, politika ta’ dan it-tip għadha taqa’ taħt is-sovranità tal-istati membri.
Minkejja dan, ikompli Sant, il-politika tal-kompetizzjoni qiegħda tintuża biex tissorveljaha u tikkoreġiha.
Ir-rapport kien approvat b’445 vot favur, 104 vot kontra u  38 astensjoni.