Jekk intom żgħażagħ li tħobbu l-lingwi, din għalikom…

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tniedi l-kompetizzjoni annwali tagħha tat-traduzzjoni, Juvenes Translatores, għaż-żgħażagħ li twieldu fl-2001.

Kull skola li tapplika għal din il-kompetizzjoni għandha ċ-ċans tagħżel sa massimu ta’ 5 studenti biex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni, li hija li ssir traduzzjoni bejn liema 2 lingwi jixtiequ l-istudenti, u mbagħad tintagħżel l-aħjar traduzzjoni minn kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Is-suġġett tat-traduzzjoni ta’ din is-sena huwa l-wirt kulturali peress li din hi s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018. L-istudenti jistgħu jagħżlu li jittraduċu minn kwalunkwe lingwa mill-552 kombinazzjoni lingwistika possibbli.

L-iskejjel sekondarji huma mistiedna jirreġistraw fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-reġistrazzjoni fetħet fl-1 ta’ Settembru u se tibqa’ miftuħa sal-20 t’Ottubru f’nofsinhar.

Il-Kummissjoni Ewropea tistieden 751 skola biex jinnominaw bejn 2 u 5 studenti biex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni, li se ssir fit-22 ta’ Novembru fl-istess ħin madwar l-Ewropa kollha.

Ir-rebbieħa, imbagħad, għandhom jitħabbru fi Frar tal-2019, u għandhom jirċievu l-premju waqt ċerimonja speċjali fi Brussell. F’din is-safra, huma se jkollhom iċ-ċans jiltaqgħu mat-tradutturi ta’ pajjiżhom li jaħdmu fid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni, in-nies li jkunu evalwaw it-traduzzjonijiet tagħhom, u anke jaraw l-uffiċċji tagħhom biex jifhmu eżattament x’jitlob ix-xogħol ta’ traduttur.

Ir-rebbieħ Malti tas-sena li għaddiet kien Andrè Mifsud mill-iskola San Alwiġi.

Andrè Mifsud / Facebook