Jekk inti nisatur, oqgħod attent minn xi warazza!

Is-sena li għadha kif spiċċat ġabet magħha ħafna kliem ġdid bil-Malti, li rajniehom fuq il-paġna Kelma Kelma fuq Facebook, amministrata minn Dr Michael Spagnol, lecturer fl-Università ta’ Malta. Lara Formosa għażlet 11 minnhom u għamlet disinn bihom.
Bjondata: Meta tgħid jew tagħmel xi ħmerija, ċuċata, paprata, baħnanata, blasensata; meta ddum seklu biex jifhem xi ħaġa sempliċi jew biex tieħu xi ċajta jew botta
Warazza: Xi ħadd li meta tarah minn wara jkun mazza u faqgħa, imma meta jdawwar wiċċu tħoss l-istonku tiela' u żaqqek tuġgħek bil-brim
Tistessja: Tiġbed stessu wara l-ieħor, bil-piġama, bil-libsa tat-tieġ, bil-bikini… fil-kċina, fis-salott, fil-ġnien, fil-kamra tal-banju, fis-sodda, fuq ir-ramel, fil-librerija… mal-kotba, mal-burger, mal-kelb, mal-Papa, mal-bf, mal-bff, ma' xi buffu…
Nisatur: Min ma jistax jara dublett, min il-ħin kollu jaqbad man-nisa u mat-tfajliet, min moħħu biex jittanta lil dik u lill-oħra; lil kull waħda li jgħabbi jgħidilha li jħobbha daqs dawl għajnejh u ftit wara jkun ġa nesa x'jisimha
Borrinu: Pupu tal-borra u s-silġ, magħmul minn tliet blalen tal-borra, liebes xi xalla, kappell, buttuni ma' żaqqu, zunnarija flok imnieħer, ċagħaq flok għajnejn u zkuk flok idejn
Kejkina: Bħal kejk żgħir li tieklu f'żewġ gidmiet; il-kelma bil-Malti għal muffin jew cupcake
Xorbgażmu: Dik is-sensazzjoni li tħoss meta, wara ġimgħat tixrob kafè biss biex jirnexxilek tibqa' mqajjem tistudja, fl-aħħar tispiċċa l-eżamijiet u tiċċelebra billi tieħu drink jew "tnejn" ma' sħabek
Logħoburist: Dak it-tali fuq facebook, ikun ta' liema kulur ikun, li l-ħin kollu jilgħab u jibgħatlek stediniet għal farmville, candy crush, mafia wars, bubble speed… #‎dejjaqtligħajni #‎murilgħabfroknawaħdek
Fottifesti: Min iħobb iħassar il-festi, ifotti l-gost ta' ħaddieħor
Tissajfaġġja: Tqatta' sajf sħiħ tissalvaġġja fix-xalar u d-divertiment, fil-barbecues u l-ġelati, fil-baħar u x-xemx
Titbarmel: Tixħet barmil ilma inġazzat fuq rasek biex iżżid l-għarfien fuq il-madum li waħħalt fil-bitħa, fuq il-pool li għandek mad-dar, eh u forsi, jekk taf tlissen tliet ittri wara xulxin bla ma titfixkel, fuq l-ALS
Il-kliem tal-2013 kienu tippapra, titmazzazz, stessu, sakrangħas, tillajkja, tiffrejpja, titmandar, andropawża, movembru, splodut, sapjosesswali, nomofobija, għalabibiżmu. 
X'taħseb li se jkunu l-kliem il-ġodda tal-2015?