Jekk inti bidwi u ntlaqatt min-nuqqas ta’ xita tas-sena l-oħra…

Qegħdin jiġu aċċettati applikazzjonijiet għall-fondi tan-nixfa mingħand bdiewa Maltin u Għawdxin li s-sena l-oħra kellhom impatt negattiv min-nuqqas ta’ xita.
Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Roderick Galdes ħabbar li l-Aġenzija tal-Pagamenti qed tilqa’ tliet tipi ta’ applikazzjonijiet differenti li jirrigwardaw żewġ miżuri taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali li jikkonċernaw zoni affettwati minn restrizzjonijiet speċifiċi, kif ukoll miżuri agro-ambjentali li jkollhom inqas effett fuq it-tibdil tal-klima.
Apparti dan, qegħdin jiġu milqugħa wkoll applikazzjonijiet għall-għajnuniet diretti, fosthom l-iskema ‘Greening’ li tgħin lil dawk il-bdiewa li jikkommettu ruħhom li jżidu l-bijodiversità u l-iskema li toffri għajnuna lil bdiewa żgħażagħ.
Barra minn hekk, l-Aġenzija qed tilqa’ wkoll applikazzjonijiet għall-iskema tal-Pagamenti Bażiċi, is-‘Small Farmers Scheme’ u l-‘Voluntary Coupled Scheme’.
Il-Kap tal-Aġenzija tal-Pagamenti Justin Zahra qal li bħalissa l-bdiewa qed jirċievu ittra bil-posta flimkien mal-applikazzjonijiet. Għaldaqstant il-bdiewa għandhom jikkonfermaw li d-dettalji li jinsabu fuq din l-applikazzjoni huma korretti.
Dawn l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi onlajn, bil-posta jew il-Front Office f’Malta u Għawdex sa mhux aktar mill-15 ta’ Mejju li ġej.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri