Jekk int fartas waħħal fit-tniġġis tal-arja

Skont stħarriġ ġdid it-tniġġis fl-arja jwassal biex wieħed ikun fartas għaliex ir-ras tkun ibbumbardjata b’partiċella solidi żgħar u l-qtar irqiq li jinsabu fl-arja.

L-istħarriġ sar minn studjużi mill-Korea ta’ Isfel u kien preżentat waqt kungress li sar fi Spanja dwar il-ġilda. Intqal li dawn il-partiċelli (PM) jistgħu jagħmlu effett fuq it-tkabbir tax-xagħar u kif ix-xagħar ikun imqabbad mal-ġilda. Il-partiċelli huma maqsuma f’żewġ kategoriji: PM10 li għandhom dijametru ta’ 10 mikrometru jew iżgħar, u PM2.5 li għadhom dijametru ta’ 2.5 mikrometru jew iżgħar.

Minn esperimenti li saru ħareġ ċar li fi żmien 24 siegħa minn meta l-qurriegħa kienet esposta għal dawn il-partiċelli żgħar, jitnaqqas il-livell tal-proteini responsabbli għat-tkabbir tax-xagħar.

Skont l-istess studju l-livell tal-proteini li jkabbru x-xagħar u jżommuhom imqabbdin mal-qurriegħa naqas meta kiber il-livell tal-PM10 fuq ix-xagħar. Dan kollu jfisser li aktar ma jkun hemm tniġġis fl-arja iktar jonqos il-livell tal-proteini meħtieġa għax-xagħar u b’hekk ix-xagħar jaqa’ u wieħed jitfartas.

Il-partiċelli li jagħmlu ħsara lix-xagħar u t-tkabbir tiegħu jsiru meta jinħarqu l-petrol u d-diesel, il-faħam u ż-żejt kif ukoll meta jkunu manifatturati materjal għall-bini bħas-siment, iċ-ċeramika u l-bricks.