“Jekk inkun Kap nikkummissjona rapport tat-telfa” – Adrian Delia

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jekk ikun elett jikkummissjona rapport dwar it-telfa tal-aħħar elezzjoni ġenerali, biex ikollu indikazzjoni fejn saru l-iżbalji u kif jistgħu jissewwew.
Fi stqarrija maħruġa minn Dr Delia, issir referenza għall-intervista li saritlu mill-gazzetta Il-Mument, fejn qal li l-PN irid jagħmel eżami professjonali biex jifhem għala ngħaqdu mal-Partit għadd ta’ switchers u telqu oħrajn.
“Irrid grupp magħqud”
Adrian Delia qal li bħala Kap tal-Oppożizzjoni jrid jara grupp Parlamentari u Partit magħqud minn issa u għalhekk talab lill-membri tal-Partit biex jagħtuh l-appoġġ fis-silenzju, sabiex l-ebda azzjoni jew diskors ma jintuża mill-avversarji kontra l-PN.
Saħaq li ma jridx Oppożizzjoni li tikkritika kollox u sostna li dak li hu tajjeb iridu jgħidu li hu tajjeb u għal dak li hu ħażin jipproponu soluzzjoni.
“Il-prinċipji tal-PN mhumiex għal bejgħ”
Il-kandidat għall-Kap tal-PN qal li l-prinċipji tal-PN fosthom tad-demokrazija, mhumiex għall-bejgħ. Spjega li dawn il-prinċipji jinkludu s-solidarjetà lejn il-persuni vulnerabbli u d-dritt għall-espressjoni ħielsa.
“Aħna la aħna liberali u lanqas konservattivi”
Dr Delia qal li d-diversità fi ħdan il-PN mhix bejn liberali u konservattivi. Tenna li fil-PN hemm qawsalla ta’ ħsibijiet li jinġabru kollha taħt il-bandiera tal-PN.  Tenna li d-diversità ssaħħaħ lill-PN u għalhekk il-membri tal-PN iridu jitgħallmu jgħixu flimkien mingħajr ħadd ma jiddetta fuq ħaddieħor.
“Jekk inkun Prim Ministru l-ewwel prijorità tkun l-edukazzjoni”
Huwa qal li jekk ikun Prim Ministru l-ewwel prijorità tiegħu tkun l-edukazzjoni għax fi kliemu f’Malta hawn sistema li qed tfalli. Huwa tkellem ukoll dwar l-ekonomija u saħaq li jridu jinħolqu niċeċ ġodda bħalma għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti meta ħolqu s-servizzi martittimi, is-servizzi finanzjarji, l-iGaming u servizzi tal-avjazzjoni.