“Jekk inkun fit-tmun tal-pajjiż, wieħed ma għandux għalfejn jinkwieta fuq x’inkun qed nagħmel” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li jekk ikun fit-tmun tal-pajjiż wieħed ma jkollux għalfejn kuljum jinkwieta dwar dak li qed jagħmel min suppost imexxi.
Waqt laqgħa mal-Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ireġġa’ lura s-serenità f’Malta.
Saħaq li l-Gvern għandu l-obbligu li jagħti viżjoni solida u serja li ġġib serenità fil-komunitajiet u kif ukoll fil-kummerċ.
Qal li llum in-negozjanti jħossu li ntilfet il-level playing field fejn iktar ma tkun qrib il-klikka tal-Gvern aktar tkun vantaġġat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa kemm nistgħu noqogħdu fuq l-istatistika uffiċjali tal-qgħad meta nafu li l-Gvern daħħal eluf ta’ persuni mas-settur pubbliku.
Temm jgħid li Gvern Nazzjonalista ireġġa’ lura t-taxxa fuq prodotti ta’ kuljum li daħħal Joseph Muscat fl-aħhar baġit filwaqt li jibni ambjent ekonomiku li joħloq kompetizzjoni ġusta.