Jekk inkisrux id-drittijiet ta’ Christopher Bartolo f’idejn il-Qorti Kostituzzjonali

Qabel ikun deċiż il-każ fil-Qorti tal-Appell Kriminali

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet it-talba ta’ Christopher Bartolo biex il-kawża ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem tingħata prijorità u dan l-ilment jiġi deċiż mill-Qorti Kostituzzjonali qabel titkompla l-kawża tiegħu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali.

Bartolo li għandu problemi fil-kliewi kien ikkundannat ħames snin ħabs dwar traffikar ta’ droga.

L-Imħallef Toni Abela qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi t-talba tal-akkużat hija waħda ġustifikata u l-ewwel għandu jiġi deċiż dan il-każ.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-avukati ta’ Bartolo ppreżentaw proċeduri legali ġodda bl-argument li l-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat li kien hemm ksur fid-drittijiet ta’ Bartolo li waslu biex huwa spiċċa mċaħħad milli jkun fl-istess stat qabel ma huwa wieġeb li ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

L-Avukati ta’ Bartolo argumentaw li l-liġi ma kinitx tiddistingwi bejn persuni li tressqu quddiem il-Qorti tad-Droga taħt l-att dwar id-dipendenza tad-droga u persuni li qegħdin jaffaċċjaw proċeduri legali fil-Qorti Kriminali. Spjegaw li l-unika ħaġa li kienet tiddetermina jekk il-każ kienx jinstema’ quddiem il-Qorti tad-Droga kienet l-ammont ta’ droga involuta fil-każ.

L-avukat qalu li l-laboratorju li fih ġiet analizzata d-droga maqbuda ma kienx skont l-istandards Ewropej u dan kiser id-dritt ta’ Bartolo li jkollu smigħ xieraq. Għalhekk ġie deċiż li s-sentenza finali fil-Qorti tal-Appell Kriminali tkun sospiża.

Fl-2018 Bartolo kien ingħata l-ħelsien temporanju mill-ħabs wara li l-appell kien għadu pendenti. Huwa kien inħeles mill-President ta’ dak iż-żmien Marie-Louise Coleiro Preca fuq rakkomandazzjoni tal-Kabinett minħabba s-sitwazzjoni ta’ saħħa tiegħu.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għal Bartolo.