Jekk in-numri jibqgħu żgħar nistgħu nibdew nillaxkaw il-miżuri – Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li jekk in-numri tal-każijiet tal-coronavirus f’Malta jibqgħu żgħar, il-miżuri jistgħu jibdew jiġu llaxkati fil-ġimgħat li ġejjin.

Hu u jitkellem fuq il-programm Xtra fuq TVM, ippreżentat minn Saviour Balzan, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-awtoritajiet tas-saħħa huma kuntenti bl-andament tal-pandemija f’Malta, għaliex il-coronavirus qed jinxtered kif riedu huma, b’mod kajman, u ma nxteridx f’daqqa.

F’diskorsu il-coronavirus, Fearne sikwit juża l-metafora taz-tsunami u x-xmara. Huwa kemm-il darba qal li ma jixtiqux li Malta tintlaqat minn tsunami, fejn il-virus jinxtered b’rata allarmanti u l-ħaddiema tas-saħħa ma jlaħħqux mad-domanda. Jippreferu li s-sitwazzjoni tkun waħda ta’ xmara, li fiha l-każijiet jiżdiedu ftit ftit, b’tali mod li s-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll.

Qal li qed juża dan il-kliem inkoraġġanti b’kawtela, u għax is-sitwazzjoni qiegħda kif bassru li se tkun. Mill-istudju li qed isir, qal Fearne, jidher li l-miżuri jistgħu jibdew jintreħew ftit ftit fil-ġimgħat li ġejjin jekk in-nies jibqa’ jirrispettahom, forsi sabiex xi negozji jirnexxilhom jerġgħu jibdew joperaw, għalkemm b’xi restrizzjonijiet.

Fearne qal li biex kollox imur lura għan-normal, fadal, u n-normal jaf issa se jkun normal differenti, iżda huwa qawwa qalb il-poplu Malti li ladarba kulħadd jimxi mar-regoli, din l-isfida għad tintgħeleb ukoll.

S’issa Malta għandha 412-il każ pożittiv. Dawn jinkludu t-tliet persuni li tilfu ħajjithom fil-ġlieda kontra l-coronavirus il-ġimgħa li għaddiet, u t-82 persuna li fiequ b’kollox. B’hekk, f’Malta hawn 327 każ pożittiv.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn