Jekk il-poplu jibqa’ partiġġjan, il-pajjiż se jkompli jegħreq – Moviment Graffiti

Il-Moviment Graffitti qal li l-partiġġjaniżmu qed ikun ta’ ħsara kbira għall-pajjiż, għax qed ikompli jagħti iktar poter u kontroll assolut liż-żewġ partiti politiċi ewlenin ta’ Malta, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, speċjalment fl-oqsma politiċi, soċjali u ekonomiċi.
Fi stqarrija, il-Moviment Graffiti qal li kien għal din ir-raġuni li ddeċieda li jipparteċipa fid-dimostrazzjoni nazzjonali tal-lejla, sabiex isejjaħ għal bidla sinifikattiva fil-politika, fl-istituzzjonijiet u fl-ekonomija tal-pajjiż.
Huwa stqarr li jaqbel mas-sejħiet tas-soċjetà ċivili biex l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jirriżenjaw, ladarba l-ebda wieħed minnhom ma jgawdi l-livell ta’ fiduċja meħtieġ biex issir ġustizzja.
Il-Moviment Graffiti kkritika wkoll il-mod ta’ kif iż-żewġ partiti bnew l-ekonomija tal-pajjiż fuq is-servizzi finanzjarji u t-taxxi baxxi, li kull ma jmur iktar qed jattiraw organizzazzjonijiet kriminali u l-ħasil tal-flus.
Fil-fatt, huwa ddeskriva l-flejjes maħmuġa bħala wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija.
Il-Moviment Graffiti temm jgħid li r-responsabbiltà waqgħet fuq spallejn il-poplu, biex jiġġieled din is-sistema mibnija fuq il-qerq li skontu ħasdet il-ħajja ta’ l-unika ġurnalista li ppruvat teqfilha.