Il-PL jgħid li jekk il-PN jerġa’ jingħata l-fiduċja, l-ħaddiema tal-Enemalta se jbatu

L-aħħar żviluppi dwar il-finanzjament tal-pipeline tal-gass jikkonfermaw li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda pjan dwar il-qasam tal-enerġija. Dan sostnieh il-Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt diskussjoni taħt it-tinda f’Birżebbuġa.

Dr Joseph Muscat sostna li l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista kienet biss immirata biex tikkritika lill-Partit Laburista, iżda l-proposta li ressaq il-Partit Laburista fl-ewwel sigħat ta’ din il-kampanja, hija l-iktar proposta riċerkata, u mirquma li qatt ġiet ippreżentata minn partit għall-iskrutinju taċ-ċittadini.

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat wissa li jekk il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jingħata l-fiduċja, l-ħaddiema tal-Enemalta se jgħaddu mill-istess martirju li għaddew minnu l-ħaddiema tat-tarzna. Min-naħa l-oħra il-pjan tal-Partit Laburista jaħseb mhux biss biex iraħħas il-kontijiet, iżda wkoll jassigura futur lill-ħaddiema tal-Enemalta u jpoġġi lill-Enemalta fuq saqajha.

Dwar il-ħolqien tax-xogħol, Dr Muscat sostna li r-realta’ hi li ilna kważi sena bil-qgħad jiżdied xahar wara l-ieħor, u l-Prim Ministru għadu mhux qed jirrikonoxxi li għandna problema. Dr Muscat sostna li għalxejn wieħed jixtieq u jitkellem dwar il-bidla jekk nhar is-Sibt li ġej, ikun hemm min ma jmurx jivvota għall-bidla.