“Jekk il-PM jirbaħ bin-numri se jkun tilef ir-rebħa morali”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li jekk għada Muscat se jirbaħ bin-numri fil-Parlament, ir-rebħa morali mhux se tkun tiegħu.
Simon Busuttil kien qed jindirizza attività politika f’Tas-Sliema meta saħaq li l-Prim Ministru mhux kapaċi jieħu ġudizzju korrett għax meta jiġi biex jagħżel bejn it-tajjeb mill-ħażin jitfixkel.
Huwa qal li Joseph Muscat ħalla s-sitwazzjoni tkaxkar għal 8 ġimgħat u għalhekk mhux biżżejjed li jitilqu Konrad Mizzi u Keith Schembri, iżda għandu jitlaq hu ukoll.
Qal li l-folla kbira li nġabret f’Tas-Sliema u n-nies li attendew għad-dimostrazzjoni nazzjonali juru li l-poplu tilef il-fiduċja f’Joseph Muscat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minn l-Indipendenza ‘l hawn, qatt ma kien hawn suspetti ta’ korruzzjoni f’Kastilja daqs kemm hawn bħalissa.
“Bank f’Dubaj hu aktar serju minn Konrad Mizzi,” qal Simon Busuttil waqt li fakkar fl-allegazzjonijiet ġodda li ħarġu din il-ġimgħa, li kemm il-Ministru Mizzi u anke Keith Schembri ppruvaw jiftħu kontijiet bankarji ma’ sitt banek differenti.
Busuttil saħaq li lanqas lill-banek ma ssodisfaw li l-flus li kienu se jpoġġu ma kinux ġejjin mill-korruzzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Konrad Mizzi u Schembri qed jippruvaw jidħqu bl-intelliġenza tal-poplu.
Saħaq li ma tagħmilx sens li tiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, li tiswa’ l-eluf biex jitfa’ fiha l-kera mir-residenza toegħu fl-Ingilterra.
“Il-ħmieġ li qed jippermetti l-Gvern għandu jkun riċiklat ‘il barra,” qal Busuttil waqt li l-folla preżenti bdiet tgħajjat “barra.”
Fakkar li f’pajjiżi oħra rriżenjaw politiċi li fetħu l-kumpanija qabel ma kienu fil-poter, iżda Mizzi u Schembri, li fetħu l-kumpanija wara li kienu maħtura f’pożizzjonijiet importanti, l-aktar viċin il-Prim Ministru, għadhom hemm.
Saħaq li għalhekk, għalkemm il-Gvern se jirbaħ il-vot ta’ fiduċja, l-Oppożizzjoni se tkun qed tqum biex turi li f’Malta għad hawn min jaf x’inhu jagħmel.
“Aħna kapaċi nqumu fuq saqajna u nesprimu r-rieda tal-Poplu Malti u Għawdxi,” qal Simon Busuttil.
Temm jgħid li jekk għada Muscat mhux se jisma’ mill-Poplu, se jkun qed jisma’ minnu meta l-ġudizzju jkun f’idejn il-poplu.

Reazzjoni Partit Laburista
Il-PL qal li l-Kap tal-PN Simon Busuttil iparla ħafna fuq onestà u fuq li jniżżel in-nies fit-toroq, iżda mhux lest jieħu fuq id-deputati tiegħu l-istess miżuri li jippriedka fuq ħaddieħor.
Saħaq li Simon Busuttil għażel li jipprova jiskarta l-aħbar li l-Viċi-Kap tiegħu Mario de Marco rċieva xogħol b’xejn fid-dar privata tiegħu meta kien Ministru u kien biss iktar minn 4 snin wara, meta beda jberraq fuqu, li ddeċieda li jibda jħallas għalih.