“Jekk il-pajjiżi fil-Mediterran jaħdmu flimkien jinħolqu aktar opportunitajiet”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li jekk il-pajjiżi fir-reġjun tal-Mediterran jaħdmu flimkien, kapaċi jinħolqu aktar opportunitajiet.
Waqt li kien qed jindirizza s-summit dwar il-leadership fil-Mediterran, imtella' minn The Economist, li qed jiltaqa' f’Malta, Muscat appella għal aktar investiment fil-Mediterran.
Joseph Muscat tkellem fuq l-investiment li Malta qiegħda tagħmel ma' pajjiżi Asjatiċi u qal li qed tiġi studjata l-possibiltà li Malta taħdem iktar ma’ pajjiżi ġirien.
Temm jgħid li fl-2017, l-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-Mediterran se jerġa' jitpoġġa fl-aġenda matul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.