“Jekk il-maġġoranza tkun kontra Delia, inneħħih” – Il-President fi Frar

Read in English.

Fi Frar li għadda, il-President George Vella kien qal li jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma jibqax appoġġjat mill-maġġoranza tal-membri fil-Grupp Parlamentari tiegħu, huwa jkollu jneħħih.

F’filmat iddatat fis-7 ta’ Frar tal-2020 tal-MaltaToday, il-President qal lill-ġurnalisti li jekk ikun hemm “provi konkreti” li Delia tilef is-sapport tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni, huwa jieħu azzjoni. Qal li kien ikun fl-obbligu tiegħu li jagħmel dan, skont ma tgħid il-Kostituzzjoni.

Lura fi Frar, Vella kien stqarr li ma kienet waslitlu l-ebda evidenza ta’ dan li wasslitu biex jieħu azzjoni. Dan kien fil-perjodu meta 17-il Membru Parlamentari talbu lil Delia biex jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu wara li mar ħażin fi stħarriġ li sar dwar lil min jivvutaw in-nies kieku kellha ssir elezzjoni: jekk hux lill-Partit Laburista jew lill-Partit Nazzjonalista.

Intant, wara l-aħħar stħarriġ li sar li wassal biex Delia jiġi sfiduċjat minn 17-il Membru Parlamentari, dawn l-MPs innominaw lil Therese Comodini Cachia biex il-President jaħtarha Kap tal-Oppożizzjoni minflok Delia. Waranofsinhar illum, wara jumejn ta’ laqgħat mal-MPs, il-President ħareġ stqarrija li fiha ddikjara li Delia se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni minkejja li tilef il-fiduċja tal-maġġoranza.

Mil-laqgħat li kellu l-President, irriżulta li 16-il persuna baqgħet kontra Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, 11, inkluż Delia nnifsu, kienu favuru bħala Kap, u d-Deputat Stephen Spiteri astjena.