“Jekk il-Gvern jissuġġerixxi kwarantina volontarja isimgħu minnu” – tabib fil-Lombardija

Read in English.

Tabib fil-Lombardija appella lill-pubbliku sabiex jekk il-Gvern ta’ pajjiż jissuġġerixxi lill-pubbliku jpoġġi lilu nniffsu fi kwarantina volontarja jisma’ mill-ewwel.

Dan qalu Dr Maurizio Ceccioni waqt diskussjoni mal-Ġurnal tal-Assoċjazzjoni Medika Amerikana. Dr Ceccioni huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Anestesija u l-Units tal-Kura Intensiva fl-isptar Humanistas Research f’Milan. Minħabba li esperjenza l-mod kif infirex il-virus fl-Italja hu tkellem dwar modi kif pajjiż jista’ jevita milli jidħol fil-problemi li daħlet fihom l-Italja.

L-Italja saret epiċentru tal-pandemija tal-coronavirus fejn bħalissa hemm 27,980 każ irrappurtat. Sa issa mietu 2,158 persuna kawża tal-virus filwaqt li 2,749 persuna fiequ mill-virus.

L-ewwel każ li nstab fl-Italja kien fl-20 ta’ Frar, meta pazjent li kellu 30 sena nstab li kien pożittiv. Maż-żmien wassal sabiex il-virus jinfirex, partikolarment fit-Tramuntana tal-Italja. Il-firxa tant kienet massiva li l-pajjiż jinsab taħt lockdown totali u hemm problemi kbar fil-qasam tas-saħħa. Dan hekk kif il-pajjiż qed jesperjenza nuqqas ta’ prodotti mediċi u nuqqas ta’ sodod fl-isptarijiet. Din l-estremità jidher li qed twassal sabiex it-tobba jagħżlu lil min jikkuraw u lil min iħallu jmut bil-virus.

Iż-żieda tar-riżorsi tal-isptarijiet mhux biżżejjed

It-tabib sostna li ż-żieda fir-riżorsi tal-isptarijiet tal-pajjiż hija xi ħaġa importanti, iżda mhux biżżejjed biex tiġġieled il-firxa tal-virus waħedha. Hu sostna li kull pajjiż għandu jdaħħal fis-seħħ miżuri li jikkontrollaw il-firxa tal-virus, għax dawn huma saħansitra “aktar importanti minn dak kollu li t-tobba jistgħu jagħmlu.”

Qal li ċ-ċittadini għandhom parti kbira mir-responsabbiltà f’dan. B’hekk sostna li idealment jiġu kkanċellati avvenimenti kbar, l-impjegati jitħallew jaħdmu minn djarhom, fost l-oħrajn.

Hu insista li jekk gvern jitlob li jkun hemm kwarantina volontarja, il-popolazzjoni għandha tisma’ minn dan. Qal li huwa b’dan il-mod li wieħed jista’ jikkontrolla kemm jinfirex bl-għaġġla l-virus u jassigura li s-sistema tas-saħħa ma tispiċċax f’punt kritiku.

“It-tfal fl-Italja ma tantx qed jimirdu”

Hu u jitkellem dwar it-tfal, it-tabib sostna li fl-Italja, minkejja li hemm minnhom li qed jimirdu bil-coronavirus, jidher li s-sintomi tagħhom mhumiex sintomi gravi. Qal li s‘issa għandhom ma jafux x’qed jipproteġi lit-tfal milli jesperjenzaw sintomi serji li jġib miegħu l-virus.

Qal li l-età medja tal-persuni li jinsabu għall-kura intensiva mill-virus huma dawk li għandhom 65 sena ‘l fuq.

“Għamilna ħafna taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa”

It-tabib spejga kif sa minn qabel ma nfirex il-virus fl-Italja, sar taħriġ intensiv għall-professjonisti tas-saħħa. Qal li huma ma ffukawx biss fuq l-attrezzar tal-isptarijiet għax dan mhux biżżejjed. Qal li t-tobba u l-infermiera kellhom bżonn taħriġ speċjalizzat biex ikunu jafu eżatti x’għandhom jagħmlu biex jipproteġu lill-pazjenti u lilhom infushom f’każ ta’ tifrix.

Intant, l-isptarijiet investew fi protezzjoni ta’ livelli differenti skont kemm il-professjonist se jiġi viċin il-pazjent li jkun infettat bil-coronavirus. Spjega li fil-unit tiegħu, il-professjonisti tas-saħħa qed jaħdmu f’ilbies ta’ protezzjoni massima. Spjega li dan it-tip ta’ lbies iġib ukoll problemi miegħu.

Qal li tabib jew infermier li jkollu jilbes ilbies ta’ protezzjoni massima ma jistax jaħdem iktar minn perjodu ta’ sitt sigħat. Dan hekk kif la jkun jista’ jixrob, la jiekol u lanqas juża’ l-kamra tal-banju waqt li jkun qed jaħdem. Spjega li qabel ma jilbsu dan l-ilbies qed jixorbu madwar litru u nofs ilma.

Insista li huwa importanti li kulħadd jipproteġi l-ħaddiema tas-saħħa. Appella sabiex isir it-taħriġ kollu neċessarju flimkien max-xiri tal-attrezzament li hemm bżonn f’sitwazzjoni tat-tip.

Isma’ l-intervista sħiħa minn hawn:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn