“Jekk il-bqija tad-dinja favur l-abort ma jfissirx li għandha raġun”

Reuben Piscopo (DOI)

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li koppja minn kull sitta jkollhom diffikultà biex ikollhom t-tfal u saħaq li l-Gvern għandu jinvesti fi kliniċi favur il-ħajja biex jgħin lil ommijiet ikomplu t-tqala tagħhom.

Fil-bidu tad-dibattitu dwar l-estimi tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, Deo Debattista qal li jekk il-bqija tad-dinja taħsibha mod ieħor (jiġifieri favur l-abort), ma jfissirx li għandha raġun. Debattista fisser li jekk permezz ta’ dawn il-kliniċi l-Gvern jirnexxielu jikkonvinċi mqar koppja waħda, minn bejn 80-100 koppja li jmorru barra minn Malta biex itemmu t-tqala, diġà hu suċċess. Stqarr li l-istima hi bbażata fuq ċifri ppubblikati fl-Ingilterra u Wales.

Irrimarka li f’Malta, matul l-2020 diġà twieldu sitt trabi permezz tal-IVF u mistennija 20 oħra matul is-sena. Is-sena li għaddiet kien hemm 41 tarbija li twieldu b’dan il-mod.

Prijorità għall-koppji li ma jistgħux ikollhom tfal minħabba kundizzjoni medika – Stephen Spiteri

Intant, il-kelliem Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li r-rata tas-suċċess f‘Malta hi bejn 22-23% u hi meqjusa bħala rata tajba ħafna meta mqabbla ma’ ċentri oħra barranin. Stqarr li jrid jinħoloq bilanċ bejn noffru soluzzjonijiet għall-koppji li ma jistgħux ikollhom tfal u ma nirfsux fuq id-drittijiet ta’ min ma jistax jiddefendi lilu nnifsu, jiġifieri l-embrijuni.  Spiteri qal li dan jekk il-liġi ġiet emendata fl-2018 bil-konsegwenza li kull koppja eterosesswali jew le, għandhom jingħataw preferenza dawk il-koppji li ma jistax ikollhom tfal minħabba kundizzjoni medika.

Tnaqqis allarmanti fir-rata ta’ fertilità – Maria Deguara

Maria Deguara, id-deputat Nazzjonalista qalet li skont statistika uffiċjali ppubblikata fir-rapport State of Health in the EU, fil-kapitlu li jitkellem dwar Malta, bit-titlu Malta Country Health Profile 2019 hemm dikjarat xjentifikament li nstab li r-rata ta’ fertilità fil-popolazzjoni Maltija dejjem nieżla meta mqabbla ma’ dik tal-pajjiżi oħra Ewropej. Hi qalet li t-tnaqqis ħa xejra allarmanti f’dawn l-aħħar snin. Irrimarkat li sa 30 sena ilu Malta kellha rata ta’ fertilità fost l-ogħla fl-Ewropa.

Fil-2019 ġie kkonfermat li r-rata ta’ fertilità tal-poplu Malti ħadet tisbita ‘l isfel u bħalissa hija fost l-aktar waħda baxxa fl-Ewropa u tinsab fil-livell ta’ 1.3 jiġifieri 0.3 inqas mil-livel medju tal-UE li qiegħed 1.6.

86 koppja jagħmlu t-trattament għall-ewwel darba – Silvio Grixti

Id-deputat Laburista Silvio Grixti qal li f’rapport maħruġ mill-awtorità kien hemm 156 każ li minnhom 86 koppja kienu qed jagħmlu t-trattament għall-ewwel darba, 43 koppja qed jagħmlu l-proċedura għat-tieni darba waqt li kien hemm koppji li qed jieħdu t-trattament għas-sitt darba. Fisser li fis-36% tal-każijiet l-infertilità kienet fuq in-naħa tal-mara, 23% fuq in-naħa tar-raġel, 28% fit-tnejn u fi 11% tal-każijiet ma kienx stabbilt. Huwa qal fir-rapport ta’ din is-sena l-awtorità għamlet studju komparattiv dwar BMI u l-problema ta’ fertilità. Grixti qal li f’54% tal-każijiet, il-mara kellha problema ta’ obeżità, waqt li tliet nisa kienu jiżnu inqas milli suppost. Fl-ebda minn dawn il-każijiet, il-mara ma rnexxielha toħroġ tqila bl-IVF.

Ir-rata ta’ suċċess hi 18.55% – Godfrey Farrugia

Id-deputat Godfrey Farrugia qal li filwaqt li r-rata ta’ suċċess tal-IVF hi 22.8% ta’ twelid ta’ trabi, it-take home baby rate hi ta’ 18.55%. Huwa qal li l-awtorità tripplikat il-qligħ is-sena li għaddiet minn €47,000 għal €147,000. Huwa ssuġġerixxa li dawn jgħaddu biex jinħolqu l-pro-life clinics.