Jekk ikun iffirmat il-ftehim SOFA se jħares il-prinċipji tal-Kostituzzjoni Maltija – Abela

Robert Abela
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li jekk jiġi ffirmat il-ftehim magħruf bħala SOFA, dan irid iħares il-prinċipji tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Abela qal dan hu u jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti quddiem Kastilja wara li llum, il-ġurnal Times of Malta ppubblika storja jgħid li l-Ministri fil-Kabinett qablu li jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-ftehim kontroversjali li jista’ jgħaddi poteri ġuriżdizzjonali fuq Malta lill-Istati Uniti.

L-Istatus of Forces Agreement (SOFA) jistabbilixxi drittijiet u privileġġi għal persunell barrani, inkluż il-militari, f’pajjiż fejn ikollhom bażi. Il-ftehim huwa intenzjonat li jikkjarifika t-termini ta’ kif armati barranin ikunu jistgħu joperaw f’pajjiż, partikolarment fejn jidħlu problemi legali assoċjati ma’ individwi u propjetajiet militari.

Meta wieħed iħares lejn il-proviżjonijiet tipiċi ta’ ftehim tat-tip mal-Istati Uniti, ħafna drabi l-Qrati Amerikani jingħataw ġuriżdizzjoni fuq kriminalitajiet li jkunu twettqu minn membru tas-servizz fil-konfront ta’ membru tas-servizz ieħor, jew anke minn membru tas-servizz bħala parti mir-responsabbiltajiet tiegħu.

Ftehim tat-tip irid iġib il-vot ta’ minn tal-inqas żewġ terzi tal-kamra qabel ma jidħol fis-seħħ. Skont it-Times of Malta, Abela diġà ddiskuta dan mar-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni u l-President George Vella. Madanakollu, fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ntqal li Abela ma kkonsultax l-Oppożizzjoni dwar dan il-ftehim.

Dalgħodu t-Times of Malta kkowtat sorsi għolja fil-gvern li qalu li l-ftehim li kiseb l-appoġġ tal-Kabinett dan is-sajf, sar bil-għan li l-pajjiż jikseb is-sapport ta’ Washington biex jevita li Malta titpoġġa fil-lista internazzjonali dwar il-ħasil tal-flus.

Intant dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela qal lill-ġurnalisti li l-ebda kuntratt ma ġie ffirmat u li jekk ikollu jiġi ffirmat kuntratt dan se jsir bl-akbar trasparenza. Il-ġurnalisti staqsew jekk Abela hux qed jinsinwa li mhux se jkun qed jiffirma dan il-ftehim, il-PM qal li hu ma qalx hekk.

Abela qal li hu ma jistax iwieġeb dwar allegazzjonijiet ta’ x’jiġi diskuss fil-kabinett. “Dak li jiġi diskuss fil-kabinett il-prinċipju huwa li jibqa’ kunfidenzjali. Naturalment kull ftehim li jista’ jiġi ffirmat se jkun hemm informazzjoni dwaru,” kompla jgħid Abela. Qal li hu jemmen fit-trasparenza u dak kollu li jolqot lill-poplu Malti, il-poplu għandu dritt li jkun jaf.

Kelliema għall-Ambaxxata tal-Istati Uniti rreferiet lil Newsbook.com.mt għand il-gvern ta’ Malta meta staqsa dwar jekk Malta kinitx viċin li tiffirma ftehim kontroversjali li jista’ jagħti poteri ġuriżdizzjonali lill-Istati Uniti f’Malta.

Il-kelliema qalet li l-assessment tal-Moneyval u l-miżuri tal-Financial Action Task Force (FATF) mhumiex proċess politiku imma proċess analitiku riġidu ddisinjat biex jipproteġi l-integrità tas-sistema finanzjarja madwar id-dinja.

“M’hemm l-ebda negozzjar, l-ebda lobbying, l-ebda “wish list” jew ftehimiet bi tpartit għal xejn, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jissuġġerixxu rapport żbaljati. L-FATF biss għandha l-awtorità fuq id-deċiżjoni finali ta’ jekk Malta jew xi ġuriżdizzjoni oħra għandhomx jitpoġġew fuq il-greylist,” insistiet il-kelliema. Hi żiedet tgħid li l-Ambaxxata Amerikana tapprezza l-ħidma tal-gvern Malti biex jimplementa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Qalet ukoll li l-Ambaxxata rrispondiet għal talbiet ta’ assistenza mill-gvern biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-FATF.

“Aħna sieħba, u n-nazzjonijiet Ewropej u l-Istati Uniti għandhom l-interess li jaraw li Malta tkun ta’ suċċess,” temmet tgħid il-kelliema.

“Il-Moneyval u l-ftehim SOFA żewġ affarijiet distinti”

Hu u jwieġeb il-ġurnalisti dalgħodu, il-PM Robert Abela sostna li r-rapport tal-Moneyval u s-SOFA Agreement huma distinti minn xulxin. Insista li mhux sew li wieħed jallaċċja wieħed mal-ieħor. Qal li d-diskussjoni dwar il-ftehim ilha għaddejja snin.

“Jekk ilu snin jiġi diskuss is-SOFA Agreement, snin ilu ma kellniex il-Moneyval report fuq pajjiżna, mela allura waħda m’għandhiex x’taqsam mal-oħra,” insista Abela.

Dwar jekk ftehim tat-tip jistax ipoġġi dell ikrah fuq in-newtralità tal-pajjiż, Abela insista li kwalunkwe ftehim li jista’ jiġi ffirmat se jħares il-prinċipji li joħorġu mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.

“Flotilla Amerikana tasal Malta” – sorsi

Intant, sorsi ta’ Newsbook.com.mt kkonfermaw li flotilla Amrikana bdiet nieżla lejn Malta. Dan fid-dawl tal-allegati diskussjonijiet li mistennija jsiru b’rabta mal-ftehim militari. Filwaqt li ajruplan wasal tard matul il-lejl li għadda, jidher li mistenni jasal ajruplan ieħor għada.

Skont ma qal il-ġurnal Times of Malta, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan Mark Esper, mistenni jkun Malta għada biex jiddiskuti l-ftehim mal-Gvern Malti.

“Dan il-ftehim ma jeżistix” – Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin sostna fi stqarrija li dan il-ftehim ma jeżistix u Malta ma tinsab fl-ebda pożizzjoni avvanzata biex tiffirma xi ftehim mal-Istati Uniti jew in-NATO. Insista wkoll li m’hemm l-ebda relazzjoni bejn il-ftehim SOFA u r-rapport tal-Moneyval.

Rigward il-Moneyval, il-Ministeru qal li Malta introduċiet diversi riformi li jappartjenu għall-governanza tajba fis-settur finanzjarju u għas-Saltna tad-Dritt fl-aħħar xhur. Insista li Malta qed tirċievi tifħir tar-riformi li għamlet minn diversi istituzzjonijiet differenti.

“Bżonn ta’ trasparenza massima” – PN

Fi stqarrija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici sostnew li għandu jkun hemm trasparenza massima fejn jidħlu ftehimiet li jistgħu jħallu impatt fuq is-sovranità tal-pajjiż.

Huma qalu li ma saret l-ebda tip ta’ konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni. Insista li ftehim ta’ din ix-xorta jista’ jħalli riperkussjonijiet oħrajn fir-relazzjonijiet li l-pajjiż għandu mal-kumplament tal-pajjiżi l-oħra. Qalu li deċiżjoni bħal din mill-Kabinett tista’ tħalli impatt ukoll fuq il-Kostituzzjoni, li hija l-ogħla liġi tal-pajjiż, u hija materjal ferm importanti li tħalli impatt fuq is-sovranità ta’ Malta.

Bernard Grech jaqbel mat-tmexxija tal-PN

Il-kandidat ghall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech sostna li s-sovranità ta’ Malta m’għandha qatt tkun kompromessa u huwa appoġġja l-pożizzjoni ta’ Delia u ta’ Mifsud Bonnici.

Bernard Grech sostna li mhux aċċettabbli li xi Gvern Malti jinnegozja kwestjonijiet bħal dawk li jissemmew fl-Status of Forces Agreement (SOFA) mingħajr ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni. M’huwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika li l-Kabinett jaqbad u jbaxxi rasu għal qbil fuq din il-materja mingħajr ma jassiguarw kunsens nazzjonali. 

Il-forzi Amerikani m’għandhomx jingħataw status speċjali” – AD u PD

L-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku appellaw biex kwalunkwe abbozz ta’ kwalunkwe ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi Militari mal-Istati Uniti (SOFA) jsir pubbliku immedjatament. “Ikun inaċċettabbli li l-kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru u l-kabinett tiegħu jaslu għal ftehim bil-moħbi u jevitaw l-iskrutinju pubbliku,” insistew huma. Sostnew li kwalunkwe ftehim ta’ difiża militari, jew operazzjonijiet kontra l-kuntrabandu, meta u jekk meħtieġ, għandhom isiru permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni militari komuni tal-UE, bħala koperazzjoni bejn stati ugwali, b’liġijiet u standards komuni.

Insistew li kuntratturi tal-militar tal-Istati Uniti u forzi militari li jgħaddu temporanjament minn Malta, jew mill-ibħra Maltin għandhom ikunu suġġetti għas-sistema tal-ġustizzja Maltija u l-liġijiet u r-regolamenti kollha applikabbli f’Malta, bħal kull ċittadin, resident u organizzazzjoni ibbażata f’Malta. “Il-Forzi Amerikani m’għandhomx bżonn ta’ status speċjali biex jiġġieldu l-kuntrabandu fl-ibħra internazzjonali,” irrimarkaw. Sostnew li l-Istati Uniti ma tistax tiġi fdata li żżomm ma’ standards ta’ kondotta miftiehma internazzjonalment, la fil-paċi u lanqas fil-gwerra.

B’reazzjoni għal din l-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista ċaħad kategorikament l-allegazzjoni li għamlu l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku. Il-Partit insista mill-ġdid li ma kienx infurmat bid-diskussjonijiet.

“Umiljazzjoni għal pajjiżna u ksur ċar tal-kostituzzjoni” – Moviment Graffitti

Min-naħa tiegħu, il-Moviment Graffitti kkundanna l-allegat approvazzjoni tal-Kabinett għall-ftehim SOFA mal-Istati Uniti.

Il-Moviment insista li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara b’mod ċar li l-pajjiż huwa newtrali u tipprojbixxi b’mod espliċitu l-preżenza ta’ forzi militari fit-territorju tagħu. Irrimarka li l-persunal militari tal-Istati Uniti lanqas għandu jirfes fuq it-territorju Malti, aħseb u ara jingħata impunità u l-pajjiż jispiċċa jċedi s-sovranità fil-konfront tiegħu.

Qal li jekk ir-rapporti huma minnhom, il-Gvern Laburista se jkun qed jittradixxi dak li Dom Mintoff u l-Partit Laburista kienu ssieltu għalih u kisbu. “Ftehim SOFA se jkun qed jillimita l-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ Malta fil-konfront tal-militar tal-Istati Uniti, li jfisser li l-Istati Uniti jkunu jistgħu jikkommettu atti kriminali fuq it-territorju Malti u azzjonijiet li jmorru kontra l-interess ta’ Malta, b’mod relattivament faċli u b’impunità,” insista l-Moviment.

Kompla jgħid li l-motivazzjoni wara tali ftehim “allegatament ġejja mill-fatt li snin twal ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli fil-pajjiz, u l-promozzjoni minn taħt ta’ Malta bħala ċentru tal-ħasil tal-flus, ħolqu n-neċessità li jsir dan il-ftehim sabiex pajjiżna jevita li jispiċċa blacklisted fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.”

Temm jgħid li l-President George Vella, huwa legalment u moralment marbut li jirrifjuta dan il-ftehim peress li jmur kontra l-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Appella wkoll lill-poplu Malti, b’mod partikolari lill-attivisti tal-Partit Laburista li ssieltu biex Malta tikseb in-newtralità, sabiex isemmgħu leħinhom u jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom kontra s-SOFA. Ħabbar li fil-jiem li ġejjin, il-Moviment Graffitti se jkun qed iħabbar aktar inizjattivi kontra l-ftehim SOFA.