Jekk ikun hawn periklu jien l-ewwel li ngħid li għandna problema – PM

“Jekk ikun hemm kwistjoni ta’ periklu jien inkun l-ewwel wieħed li mmur quddiem in-nies ngħidilhom li għandna problema.” Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt intervista fuq ir-Radju tal-Partit Laburista fid-dawl tal-attakki fi Franza, fit-Tuneżija u fil-Kuwajt.
Joseph Muscat qal li m’għandu l-ebda informazzjoni min-naħa tas-servizzi ta’ pajjiżna jew dawk ta’ pajjiżi oħra, li Malta tinsab f’xi periklu. Żied iżda li dan ma jfissirx li Malta hija iżolata. Saħaq għalhekk li l-pajjiż għandu jibqa’ viġilanti u jieħu l-passi kollha ta’ prekawzjoni.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li ntlaħaq ftehim biex jekk jinqala’ xi ħaġa, il-piż għandu jinqasam bejn il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea. Żied li Malta kienet kruċjali biex intlaħaq dan il-ftehim. Spjega li Malta kienet minn tal-ewwel li offriet l-għajnuna tagħha, minkejja li mhux qiegħda fi krizi. Spjega li meta konnha fi kriżi aħna pretendejna li nkunu mgħejjuna. Dan l-argument, qal Joseph Muscat ġibed ir-rispett tal-pajjiżi l-oħra.
Il-Mexxej Laburista saħaq li f’sena daħħlu Malta 92 immigrant meta l-Italja u l-Greċja qed jidħlu mal-2,500 immigrant kuljum. Għalhekk hemm il-ħtieġa li l-piż jinqasam stqarr il-Prim Ministru.
Żied li l-laqgħa, li damet tmien sigħat, kienet taħraq għax kien hemm pajjiżi li ma bdewx jaqblu. Spjega li pajjiżi mhux milquta bdew isaqsu kif se jmorru jgħidu l-poplu tagħhom li se jibdew jilqgħu l-immigranti. Saħaq li wara l-proposta ta’ Malta ġie deċiż li l-piż se jinqasam b’mod volontarju għajr pajjiżi bħal Ungerija, l-Ingilterra, l-Irlanda, id-Danimarka  u l-Bulgarija.
Fl-aħħarnett Muscat semma wkoll il-Labour Force Survey u qal li dawn ir-riżultati kienu possibli għax il-Gvern qed jieħu d-deċiżjonijiet l-aktar għaqlija u li mhux dejjem jiġbdu s-simpatija ta’ kulħadd.

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jinjora dak li qed jiġri llum, b’referenza tat-€3.5 miljun li l-Gvern ta lil Gaffarena u l-iskandlu ta’ Gaffaerna Zammit.
Fi stqarrija l-PN qal li l-każ ta’ Michael Falzon huwa wkoll inkwetanti hekk kif jidher li ż-żewġ każijiet huma marbutin flimkien.
Saħaq li Joseph Muscat għandu jippubblika dak kollu li hu marbut ma’ dan il-każ u ma jitfax tajn biex iħawwad l-imħuħ.