Jekk ifallu l-iskejjel tal-Knisja tfalli l-Knisja – l-Isqof Grech

Anthony Grech

L-Isqof Mario Grech qal li jekk ifallu l-iskejjel tal-Knisja tfalli l-Knisja f’Malta.

L-Amminstratur Appostoliku għal Għawdex qal dan f’quddiesa għall-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex fi tmiem is-Sena Skolastika tal-2020. Din saret f’Ta’ Pinu lbieraħ.

Fl-omelija tiegħu Mons. Grech qal li jekk il-kapijiet joffru formazzjoni mnebbħa minn Ġesù jkunu qed iħejju l-pedament tal-Knisja u tas-soċjetà f’Malta. Saħaq li l-istudenti huma l-ġejjieni u l-preżent ukoll.

Hu qal ukoll li l-Knisja hija l-wiċċ ta’ kompassjoni ta’ Alla għall-bniedem.

Il-Knisja għandha diversi għamliet ta’ preżenza fid-dinja. Fost dawn hemm l-iskejjel Kattoliċi. L-iskejjel tagħna huma “Knisja” – huma arterji vitali tal-Knisja ta’ Kristu u dawk kollha li jirfsu fuq l-għatba tal-iskejjel tagħna jafu li qed imiddu riġlejhom fil-Knisja. Kull skola Kattolika hija ‘skola knisja’. Għalhekk dak li għadni kif għidt dwar il-Knisja jgħodd ukoll għall-iskejjel tagħna, fis-sens li l-iskejjel tal-Knisja għandhom ikunu t-tweġiba kompassjonevoli għat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ li jiġu magħna,” saħaq Mons. Grech.

Fakkar kif sentejn ilu l-Papa Franġisku sejjaħ lill-Knisja universali biex tieqaf tisma’ u tirrifletti dwar din il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Mons. Grech qal li hemm żgħażagħ għajjenin mill-Vanġelu u li huma dgħajfin. Saħaq li għandhom jirċievu l-kompassjoni u l-imħabba.

“Jekk bl-akkumpanjament tagħna nwassluhom biex jiftħulna qalbhom u jdaħħluna fiha, niskopru li fil-qiegħ nett tal-ġewwieni tagħhom hemm xewqat nobbli, fuq kollox hemm xewqa li jsiru jafu l-verità,” qal Mons. Grech. Spjega li l-iskola hija opportunità pastorali biex wieħed jgħin lill-istudenti.

Ir-Rettur tal-Kulleġġ San Alwiġi Fr Jimmy Bartolo qal l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja għandhom jitħallew jgħallmu skont it-tagħlim tal-Knisja. Fr Jimmy Bartolo, Ġiżwita, qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fil-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart. Ġie mistoqsi dwar l-Abbozz ta’ Liġi propost dwar l-Ugwaljanza.