“Jekk id-diplomazija tfalli, l-Istati Uniti se taġixxi” – Barack Obama

Il-President Amerikan Barack Obama laqa’ l-ftehim bejn l-Istati Uniti u r-Russja fejn ġie speċifikament miftiehem li s-Sirja mistennija tikkonfiska l-armi nukleari sa nofs is-sena d-dieħla. L-istess ftehim prelimari jitlob li fi żmien ġimgħa, is-Sirja tiddikjara l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-istess armi.

Madanakollu, stqarrija mill-White House tgħid li l-President Obama sostna li l-ftehim bejn l-Istati Uniti u r-Russja hu pass konkret biex b’hekk l-armi tas-Sirja jkunu fil-kontroll internazzjonalment u anke jiġu kkonfiskati. Il-President Obama sostna wkoll li filwaqt li l-Istati Uniti se tkompli taħdem mar-Russja, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġnus Magħquda, se jkun hemm konsegwenzi jekk ir-reġim ta’ Assad jonqos milli jikkopera mal-ftehim.

Il-President Amerikan Barack Obama żied jgħid li jekk id-diplomazija tfalli, l-Istati Uniti tibqa’ preparata biex taġixxi.