Jekk hemm bżonn il-Parlament jibqa’ għaddej tul Awwissu – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, fl-għeluq tas-seduta Parlamentari ta’ dalgħodu, qal li jekk hemm bżonn il-Parlament jibqa’ għaddej matul Awwissu biex jinħadem ix-xogħol leġiżlattiv li pprepara l-Gvern.
Dan, hekk kif qamet diskussjoni bejn il-Whips tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni dwar is-seduta plenarja li jmiss minħabba li l-Gvern ried li l-Parlament jiltaqa’ llum fis-2.30pm mingħajr avviż minn qabel lill-Oppożizzjoni.
Bi qbil bejn iż-żewġ naħat, il-Parlament se jerġa’ jiltaqa’ llejla fil-5.00pm, imbagħad għada filgħodu u wara nofsinhar, u jekk hu meħtieġ, anke s-Sibt filgħodu. Iż-żewġ Whips mistennija jiltaqgħu biex jiftehmu s-seduti li jmiss sal-aħħar tax-xahar.
Il-Prim Ministru nsista li x-xogħol li ħejja l-Gvern ma jistax jistenna sa ma jintemmu l-btajjel tas-sajf, li din is-sena se jkunu itwal minħabba li l-Parlament mistenni jerġa’ jibda mill-bini tal-Parlament il-ġdid, li mhux mistenni jkun lest qabel l-ewwel ġimgħa t’Ottubru.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li hu japprezza l-mod ta’ kif kien qed jitkellem il-Prim Ministru u li l-Oppożizzjoni taqbel li jitlesta x-xogħol tal-Gvern qabel il-btajjel tas-sajf. Dan, però, irid isir b’rispett lejn ir-regolamenti tal-Parlament u b’rispett lejn l-Oppożizzjoni.