​Jekk ħdimt l-Awstralja jaf trid tħallas taxxi u arretrati – Scicluna

Għadd ta’ Maltin li ħadmu l-Awstralja qed jintalbu biex iħallsu taxxi u arretrati.
Il-kwistjoni tqajmet fil-Parlament mid-deputat Laburista Glenn Bedingfield li qal li għadd ta’ Maltin li kienu jgħixu l-Awstralja, irċevew ittra marbuta ma’ ħlas ta’ taxxa dovuta mill-Awstralja.
Il-Ministru Scicluna qal li l-Gvern kien konxju ta’ din is-sitwazzjoni u spjega li kien hemm għadd ta’ Maltin li kienu marru jaħdmu l-Awstralja, ħadu pensjoni u ġew lura.
Fisser li xi ħaġa marret ħażin għal fatt li bejn iż-żewġ pajjiżi hemm ftehim ta’ tassazzjoni doppja. 
Huwa qal li dawk li ma ddikjarawx id-dħul tagħhom iridu jħallsu l-imgħax fuqu u hemm penali x`titħallas ukoll.  
Il-Ministru irrimarka li l-persuni se jirċievu ittra li għandhom jagħtu t-taxxa, arretrati u mgħaxijiet.   
Kompla jgħid li dawn l-individwi mhux se jħallsu mgħax fuq taxxa li kellhom dovuta fil-passat imma se jħallsu €20 kull wieħed.  Dawn qed jingħataw ċans sitt xhur biex iħallsu din it-taxxa.