Jekk ħaddiema jkunu f’bordijiet jistgħu jitilfu xogħolhom – MUT

Uffiċjali Edukattivi (Education Officers – EOs) ġew ordnati mill-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) biex ma jieħdux sehem f’bordijiet għax jistgħu jkunu f’riskju li jitilfu xogħolhom.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal ma’ Newsbook.com.mt li llum ssejħet laqgħa biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-bordijiet u anke dik tat-teleworking.

Bonnici spejga li xi EOs qed jintalbu jmexxu xi bordijiet jew ikunu membri fihom. Eżempji ta’ bordijiet jinkludu dawk tas-selezzjoni fejn isiru intervisti interni jew ma’ kandidati esterni għal xogħol jew anke bordijiet ta’ dixxiplina. Qal li dawk li jkunu f’dawn il-bordijiet ikunu f’riskju li jitilfu xogħolhom għax ir-responsabbilità finali taqa’ fuqhom.

“L-EOs huma kompetenti biex imexxu dawn il-bordijiet” qal Bonnici li żied jgħid li l-problema hija l-indħil min-naħa tal-Ministeru fix-xogħol tal-EOs. Għalkemm ma jafx għalfejn qed isir l-indħil, Bonnici qal li dan mhux biex tintgħażel persuna minflok oħra. Fi kliem Bonnici, parti mill-pressjoni qed issir peress illi mhux ċar min huwa responsabbli għal ċertu affarijiet (chain of command).

Teleworking

Dwar il-problema tat-teleworking Bonnici qal li jidher li kien hemm xi tip ta’ direzzjoni biex dan jonqos. Żied jgħid li ma jafux għaliex bdew jinbidlu l-affarijiet. Spjega li kien hemm kumunikazzjoni bejn l-MUT u l-Ministeru, b’dan tal-aħħar jinsisti li kollox għadu l-istess.