“Jekk għandu l-ġwienaħ se jmut”; NGO frustrata

L-NGO Time for Change kitbet ittra miftuħa indirizzata lill-awtoritajiet li fiha lmentat fuq in-nuqqas ta’ għasafar u d-diżrispett li jingħataw l-annimali f’Malta, kif ukoll fuq il-fatt li ġiet injorata mill-awtoritajiet meta ppruvat tagħti vuċi lill-kawża tal-annimali.

Din l-NGO, li kienet waħda minn dawk li ħadmet qatigħ biex jiġu addottati l-ħnieżer li nstabu jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena fil-Mellieħa, qalet li offriet lill-awtoritajiet bosta suġġerimenti ta’ x’jista’ jsir: li jitqiegħdu f’razzett edukattiv, li l-awtoritajiet injoraw għax il-ħnieżer mhumiex l-annimal tipiku li jinżamm id-dar, jew li persuna oħra tieħu lil dawn il-ħnieżer fir-razzett tagħha fl-Italja.

Barra minn hekk, kienu ssuġġerew ukoll li l-annimali tingħatalhom ċippa immedjatament meta jitwieldu, u lmentaw fuq il-fatt li li torbot lill-klieb b’katina għadha legali f’Malta, li l-annimali jinżammu f’gaġeġ żgħar u maħmuġin fil-ħwienet għall-bejgħ, u li hawn nuqqas ta’ edukazzjoni fuq l-annimali.

Ma’ dan, l-NGO staqsiet lill-pubbliku jekk jixtieqx jgħix f’pajjiż fejn ma jkunx għad hawn għasafar, għax qalet li bir-rata li nqatlu t-73 għasfur din is-sena, hemm imnejn Malta tispiċċa bla għasafar.

Din l-ittra ntemmet fuq nota ta’ diżappunt li l-NGO għandha fl-awtoritajiet li ma jisimgħuhiex u ma japprezzawx kemm qed tipprova taħdem għat-titjib tat-trattament tal-annimali f’Malta.